Lokali Qorti

Sentenza sospiża wara li kkaġuna biża’ fuq l-eks sieħba tiegħu

Raġel ta’ 47 sena, residenti ż-Żurrieq ingħata sentenza sospiża wara li ammetta quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella li kkaġuna biża fuq l-eks sieħba tiegħu, dik li kienet se tintuża’ vjolenza fil-konfront tagħha bl-attitudni tiegħu.

Frankie Zahra ammetta li fis-26 ta’ Diċembru 2023, bejn it-3. 30pm u l-5pm. fi Sqaq il-Kunċizzjoni, ż-Żurrieq ikkaġuna biża’ li se tintuża vjolenza kontriha jew kontra l-proprjetà tagħha jew kontra l-persuna jew il-proprjetà ta’ xi ħadd minn dawk li jiġu minnha u dan fil-preżenza ta’ minuri u bl-użu ta’ arma.

Hu ammetta wkoll li fl-istess żmien, lok u ċirkostanzi, għamel inġurji jew theddid – b’mod li ħareġ barra
mil-limiti tal-provokazzjoni u dan bi ksur ta’ l-Artikolu 339(1)(e) tal-Kodiċi Kriminali ta’ Malta. Huwa wieġeb li huwa ħati ta’ l-imputazzjonijiet dedotti fil-konfront tiegħu.

Fid-dawl ta’ tali ammissjoni l-Qorti sabet lill-imputat ħati ta’ l-imputazzjonijiet hekk dedotti kontrih. Għall-finijiet ta’ piena l-Qorti ħadet in konsiderazzjoni n-natura tar-reati addebitati lill-imputat u minnu ammessi u ħadet in konsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-imputat irreġistra ammissjoni fi stadju bikri tal-proċeduri u li ilu numru konsidervoli ta’ snin ma jxellef difrejh mal-ġustizzja.

Għaldaqstant, fuq ammissjoni tiegħu stess, Zahra nstab ħati ta’ l-imputazzjonijiet kollha dedotti fil-konfront tiegħu u ġie kkundannat għall-perijodu ta’ sena priġunerija sospiżi għal sentejn. Il-Qorti spjegat lill-imputat bi kliem ċar ir-responsabilità tiegħu taħt l-Artikolu 28B tal-Kap. 9 tal-Liġijiet ta’ Malta
jekk huwa jikkommetti, matul il-perijodu operattiv ta’ din is-sentenza sospiza, reat li għalih hemm piena ta’ priġunerija.

Il-Qorti ħarġet ukoll fil-konfront ta’ l-imputat Ordni ta’ Trażżin għall-fini li tipprovdi għas-sigurtà tal-eks sieħba tiegħu. Din l-Ordni ta’ Trażżin qed jinħareġ għal perijodu ta’ sentejn li jibda jiddekorri mid-data ta’ din is-sentenza.

F’każ li jikser xi waħda jew iktar mill-kondizzjonijiet ta’ tali Ordni ta’ Trażżin, u cioè f’tali eventwalità jista’ jiġi ikkundannat għal multa ta’ €7,000 jew għal priġunerija ta’ mhux iżjed minn sentejn jew għal tali multa u priġunerija flimkien. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Omar Zammit.