Ikompli jikbru l-problemi fl-Isptar Mater Dei…. Fejn iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar qed joħroġ fid-deher in-nuqqas ta’ pjanar tal-Gvern f’dan is-settur tant kruċjali.
Persuni li tkellmu ma’ Net News qalulna li jinsabu mħassba ferm dwar is-sitwazzjoni li tinsab fiha ward partikolari fl-Isptar. Dan hekk kif il-pazjenti qed jispiċċaw ikollhom jinħaslu fis-sink minħabba li jinsabu mingħajr showers.
Problema oħra li ġiet żvelata dawn l-aħħar ftit jiem hi li l-qwiebel huma mħassba ferm dwar it-telf tat-trabi minħabba spazji limitati u nuqqas ta’ ħaddiema f’Mater Dei, kif ukoll dwar il-fatt li n-nisa tqal qed jintbatu lura d-dar u jkollom jistennew sal-aħħar minuta sabiex imorru l-isptar biex iwelldu. L-ommijiet qed jispiċċaw ukoll jintbgħatu lura d-dar iżjed kmieni milli suppost wara li jwelldu.
Minħabba n-nuqqas ta’ spazju, ommijiet qegħdin jispiċċaw iwelldu ħdejn nisa oħrajn… b’sempliċiment purtiera biss tifridhom, meta normalment huma jkollhom kamra privata. Saħansitra anke ommijiet ta’ trabi li jkollom bżonn il-kura intensiva fin-NPICU qed jispiċċaw jaqsmu kamra ma’ ommijiet li welldu t-tarbija bla problemi.
Apparti min hekk, dawk il-persuni kollha li jmorru l-emerġenza qed ikollom jistennew iżjed min 10 sigħat sabiex jingħataw l-assistenza.
Bħalissa hemm pressjoni kbira fuq il-ħaddiema fl-Isptar Mater Dei hekk kif dawn mhux qed ilaħħqu mad-domanda kbira minħabba ż-żeida fil-popolazzjoni li seħħet dawn l-aħħar snin.
Dawn il-kwistjonijiet qed iqajmu tħassib dwar il-kwalita’ tas-servizz tas-saħħa li qed jingħata f’pajjiżna taħt Gvern Laburista, u dwar kif dan kollu hu riżultat tal-politika ta’ Gvern li sploda l-popolazzjoni bla ebda pjan.
//= $special ?>