Internazzjonali

Wara t-terremot fil-Ġappun: Ġlieda mal-ħin biex isalvaw lin-nies mill-baħar ta’ straġi

L-awtoritajiet Ġappuniżi qed jagħmlu l-kalkoli tat-terremot kbir  tal-Ewwel tas-Sena u li, skont l-aħħar rapporti, ħalla’ il fuq minn 50 mejtin – biċ-ċifra tal-vittmi mistennija togħla maż-żmien.

Dan ukoll meta t-theżżiża kbira qerdet il-mijiet tad-djar – u b’diversi bini jinqerdu wkoll min-nirien sussegwenti. Iżda waqt li  l-Ġappun għadu qed jistenna aktar theżżiż tal-art sekondarju, naqset il-possibbiltà ta’ tsunami (mewġ tal-baħar enormi) li setgħu kaġunaw straġi u mwiet fuq livell ferm aktar gravi.

It-terremot tat-Tnejn immarka 7.6 fuq l-Iskala Richter u ħalla l-akbar kaos fir-reġjun ċentrali tal-Ġappun. U waqt li l-poplu kien qed iħejji għall-impatt potenzjali tat-tsunami, iz-zoni fiċ-ċentru tal-Ġappun baqgħu jġarrbu t-theżżiż sekondarju bi ftit anqas qilla mit-terremot proprju.

Filwaqt li l-pajjiż kollu jinsab f’luttu għall-vittmi tat-terremot, il-Prim Ministru tal-Ġappun, Fumio Kishida, esprima l-kondoljanzji lill-qraba tal-mejtin waqt li kkonferma li l-ħsarat tat-terremot huma estensivi għall-aħħar. Il-Prim Ministru Kishida qal ukoll li l-iskwadri għall-emerġenza, bħalissa,  qegħdin jiffaċċjaw ġlieda mal-ħin  biex isalvaw lin-nies maqbudin taħt it-tifrik tal-bini.

Dan meta fl-aħħar sigħat, eluf ta’ ħaddiema tas-salvataġġ komplew bit-tfittxija għall-persuni li sparixxew fil-ħin tat-terremot u li x’aktarx spiċċaw mirduma taħt il-munzelli tal-ġebel u t-terrapien.

Sadanittant, l-istess ħaddiema anki qed jiffaċċjaw numru ta’ intoppi sinifikanti — fosthom it-toroq imblukkati bit-tifrik tal-bini, flimkien mal-vetturi u djar meqruda, li qed jagħmluha aktar diffiċli biex  il-ħaddiema jelevaw lin-nies minn taħt it-tifrik.

Fl-istess ħin, mistennija jgħaddu ħafna jiem sakemm il-Ġappun jipproduċi l-kalkoli preċiżi u finali tal-impatt tat-terremot.

Intant, l-aħħar sigħat kienu diffiċli ferm għall-mijiet tal-Ġappuniżi li spiċċaw evakwati miz-zoni indikati bħala l-aktar suxxettibbli għat-theżżiż tal-art.

Fl-aħħar sigħat, mijiet kbar ta’ voluntiera wkoll kienu qed jgħinu lill-iskwadri għall-emerġenzi fit-tfittxija għall-midruma. Dan meta l-militar Ġappuniż kien qed iqassam il-provvisti tal-ikel, ilma u kutri lil dawk kollha kostretti li jitilqu mid-djar tagħhom u li llum spiċċaw bla saqaf fuq rashom.

Intant, il-Gvern f’Tokjo qal li n-numru ta’ Ġappuniżi evakwati minn djarhom qabeż il-57,000, fost konferma li għexieren tal-eluf tal-familji spiċċaw mingħajr dawl fost l-impatt tat-terremot.

L-uniku aħbar pożittiv jinvolvi t-tneħħija tal-allert dwar it-tsunami mill-Baħar tal-Ġappun li, fi kliem l-awtoritajiet, setgħu kabbru l-iskala tal-emerġenza ‘għal għaxar darbiet’.

Madankollu ma ħadmux xorta ħafna mis-servizzi tal-ferrovija u bil-vapuri – b’diversi titjiriet lejn iċ-ċentru tal-Ġappun jispiċċaw sospiżi f’din is-sitwazzjoni ta’ emerġenza.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-Istati Uniti, Joe Biden, qal li pajjiżu jinsab lest biex jipprovdi kwalunkwe għajnuna lill-poplu Ġappuniż f’dan iż-żmien diffiċli. Dan ukoll meta l-Gvern f’Tokjo wissa lin-nies biex jibqgħu attenti għall-possibbiltà ta’ xi terremoti ġodda fil-jiem li ġejjin.