Lokali

Avvenimenti prinċipali f’Malta għas-sena 2024

Is-sena li għadha kemm bdiet mistenni ġġib magħha bosta avvenimenti prinċipali li proprju se jseħħu fit-12-il xahar li ġejjin.

F’April pajjiżna mistenni jkollu President tal-Repubblika ġdid hekk kif matul dan ix-xahar jasal fi tmiemu t-terminu ta’ ħames snin tal-President attwali George Vella.

Din se tkun l-ewwel darba li pajjiżna se jaħtar President wara qbil bejn iż-żewġ terzi tal-Kamra tad-Deputati. Il-persuna li tinħatar se tkun il-11-il President ta’ Malta sa mis-sena 1974 minn meta pajjiżna sar Repubblika.

Ftit tal-jiem wara, f’Mejju, pajjiżna jfakkar l-għoxrin anniversarju mid-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Kien proprju fl-ewwel ta’ Mejju tas-sena 2004 meta l-bandiera Maltija saret tagħmel parti mill-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea. Avvenimenti li grazzi għall-viżjoni li kellu Gvern Nazzjonalista, wassal sabiex pajjiżna jkollu leħen u jkun parti mid-deċiżjonijiet li jittieħdu madwar l-Ewropa fost l-istati membri kollha.

 

Wara, imbagħad. fl-ewwel ġimgħa ta’ Ġunju, eżattament is-Sibt 8 tax-xahar se jsiru żewġ elezzjonijiet fl-istess jum f’kull lokalita kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex. F’dawn l-elezzjonijiet pajjiżna se jkun qed jeleġġi s-sitt rappreżentanti tiegħu fil-Parlament  Ewropej kif ukoll ir-rappreżenti ta’ kull Kunsill Lokali fit-68 lokalità madwar Malta u Għawdex.

Fil-21 ta’ Settembru pajjiżna jfakkar is-sittin anniverarju minn meta Malta saret Indipendenti. Kien fis-sena 1964 li l-gżejjer tagħna f’din il-ġurnata twieldu mill-ġdid bħala stat sovran… kisba li kienet frott il-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista, immexxi minn Ġorġ Borg Olivier.

Il-21 ta’ Settembru tibqa’ ġurnata speċjali immens…  il-jum li fih il-Maltin u l-Għawdxin, raw il-bandiera tar-Renju Unit nieżla… u minflokha titla’ għall-ewwel darba l-bandiera Maltija bl-ilwien bojod u ħomor.

L-aħħar avveniment ewlieni għal din is-sena jkun iċċelebrat fit-13 ta’ Diċembru. Kien proprju fl-1974 meta Malta ma baqatx taħt ir-Renju tar-Reġina Eliżabetta II u minflok inħatar l-ewwel President ta’ Malta Repubblika, Sir Anthony Mamo. Għalhekk din is-sena Malta se tkun qed tfakkar il-50 sena minn din il-kisba storika għal pajjiżna.