Fil-bidu ta’ din is-sena, iddaħħlet taxxa ġdida fuq il-vapuri tal-merkanzija msejħa ETS biex tagħmel tajjeb għall-emmissjonijiet li dawn iħallu fuq l-ambjent.
Fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem għal Livell ta’ Għajxien Aħjar b’Impenn Kontra l-Għoli tal-Ħajja Albert Buttigieg u mill-Kelliem għas-Settur Marittimu u x-Xogħol Ivan Castillo, il-Partit Nazzjonalista qal li dan se jfisser li l-ispejjeż biex ikunu importati l-ikel u affarijiet oħrajn se jogħlew għax, kif diġà kien hemm minn stqarr, dawn iż-żidiet ser jgħaddu biex jagħmel tajjeb għalihom il-konsumatur, jiġifieri ċ-ċittadini tagħna. Dan ifisser li se tkompli togħla l-ħajja u għaldaqstant, se jkun hemm impatt fuq il-livell tal-għajxien ta’ diversi, fosthom dawk li huma l-aktar vulnerabbli.
Filwaqt li jifhem li l-ħarsien tal-ambjent joħloq l-isfidi, il-Partit Nazzjonalista jħoss li l-Gvern Laburista ma għamel xejn quddiem din id-direttiva meta din kienet fi stadju ta’ proposta. Il-Gvern Laburista baqa’ ċass u ma ħa l-ebda passi biex jinnegozja deroga għal pajjiżna, fid-dawl li Malta u Ċipru huma l-uniċi Stati Membri fl-Unjoni Ewropea li huma gżejjer.
Dan ġara fil-passat u f’okkażjonijiet oħrajn, fejn l-Unjoni Ewropea tikkunsidra r-realtajiet ta’ ċerti Stati Membri. Il-Gvern Laburista seta’ wkoll uża fondi mill-istess Unjoni Ewropea biex jingħata l-appoġġ meħtieg, iżda lanqas dan ma għamel.
Fid-dawl ta’ dan kollu, tkompli toħroġ aktar fiċ-ċar il-validità tal-proposta li l-Partit Nazzjonalista ilu jagħmel għal diversi xhur. Il-Partit Nazzjonalista mhux qed jipproponi li ż-żieda għall-għoli tal-ħajja (COLA) ma tkunx taxxata, iżda wkoll li jkun hemm fond nazzjonali li jagħmel tajjeb għal spejjeż loġistiċi aktar għolja.
Hi ħasra li l-Gvern Laburista, b’suppervja u arroganza, warrab dawn il-proposti. U filwaqt li sab fondi biex jagħti €400 miljun lil Vitals u oħrajn għal reklami u festini, kif inħareġ fir-rapport tal-Awditur Generali, il-Gvern Laburista naqas milli jipprevedi din is-sitwazzjoni.
Quddiem dan kollu, hu l-poplu Malti u Għawdxi, l-aktar dawk li huma vulnerabbli, li se jħallsu għal dan in-nuqqas ta’ ħsieb u nuqqas ta’ kompetenza. Filwaqt li dawk tal-qalba, li jinsabu jiħanzru u jiffangaw bl-eluf f’direct orders, kif ukoll impjiegi fantażmi b’salarji fenomenali, m’humiex se jħossu dawn iż-żidiet, iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin se jkollhom iħallsu aktar. Hi ironija li ż-żidiet kollha li l-Gvern jiftaħar li ta fl-aħħar Budget b’tant pompa, diġà ttieħdu miż-żiediet tal-ikel u prodotti oħrajn.
Għall-inkompetenza u l-arroganza tal-Gvern ta’ Robert Abela, tħallas int
//= $special ?>