Noel Azzopardi ta’ 39 sena mir-Rabat wieġeb mhux ħati li fl-Ewwel tas-sena qatel liż-żagħżugħ Eric Borg ukoll mir-Rabat b’żewġ tiri ta’ senter bil-vittma jmur ftit wara li ntlaqat f’dahru. Ma saret l-ebda talba għall-pleġġ mid-difiża li talbu lill-Qorti biex il-psikjatri tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin ikollhom aċċess għall-files mediċi tal-akkużat kemm dawk ta’ Mater Dei kif ukoll tal-isptar Monte Carmeli.
Huwa ġie mixli wkoll li kellu fil-pusses tiegħu arma tan-nar u li spara arma tan-nar f’distanza ta’ 200 metru mill-pubbliku. Ġie mixli wkoll li żamm arma u munizzjon f’post ta’ residenza. Quddiem il-Maġistrat Monica Vella l-Erbgħa wara nofsinhar Azzopardi li deher kalm ġie mixli bil-qtil ta’ Eric Borg ta’ 27 sena.
Meta ġie mistoqsi x’jagħmel bħala xogħol Azzopardi wieġeb li bħalissa ma jaħdimx, imma li sa ftit ilu kien jaħdem ma’ bidwi. Kien għall-ħabta tat-3.30pm wara meta l-kwiet fl-inħawi tan-Nigret, fir-Rabat stess inkiser meta wara tilwima bejn Azzopardi u Borg, allegatament Azzopardi daħal fil-karozza tiegħu fejn fuq is-seat tal-passiġġier qabad is-senter tal-kaċċa tiegħu u ħarġu mill-pocket. Meta raha hekk Borg dahar biex jitlaq minn fuq il-post.
Minn informazzjoni li għandu NET News allegatament Azzopardi spara tir f’dahar il-vittma u hekk kif dan niżel ma’ l-art ġie sparat tir ieħor. Eric Borg spiċċa mixħut fuq il-bankina u miet fi ftit tal-ħin. Jidher li l-akkużat kien osessjonat li xi ħadd kien qed isegwih u jmur fejn l-għalqa tiegħu, fejn dejjem kien beżgħan li din se tittieħidlu.
Kellu wkoll suspett li l-vittma kien wieħed minn dawk li qed isegwih, bl-argument jiskala ftit tas-sekondi qabel l-isptaraturi meta allegatament Borg qal lil Azzopardi – “ħallini bi kwieti għax inpattiehilek.” L-akkużat, li jgħix mal-ġenituri tiegħu telaq minn fuq il-post u mar id-dar.
Kif missieru nnota xi dmija fuq ibnu, staqsieh x’kien ġara u huwa mifhum li qal lil missieru l-istorja kollha. Kien missieru li ħa lil Noel Azzopardi l-Għassa tal-Pulizija tar-Rabat. Kien għall-ħabta tan-12.30pm li l-akkużat iddaħħal fl-awla fejn kien hemm preżenti wkoll ommu u missieru.
Ommu bdiet ukoll taqbżilha xi demgħa. Il-Prosekuzzjoni li tmexxiet mis-Supretendent Keith Arnaud u l-Ispetturi Wayne Camilleri u Godwin Scerri u mgħġejjuna mill-Avukat mill-uffiċċju tal-AĠ Kaylie Bonett ġiet mitluba mill-Qorti biex fil-qosor tgħid x’kienu r-raġunijiet tal-arrest ta’ Noel Azzopardi. Id-difiża hawn qalet lill-Qorti li ma kinitx qed tikkontesta l-validità tal-arrest.
L-Ispettur Camilleri qal li fl-ewwel tas-sena fit-3.30pm il-Pulizija irċevit rapport li kienu nstemgħu żewġ tiri u kien hemm persuna mixħuta ma’ l-art. Il-Pulizija marru mill-ewwel fuq il-post u kkonfermaw dan kollu u li l-persuna vittma kienet Eric Borg li kien jinaab bla ħajja.
Camilleri qal li informazzjoni li ġabret il-Pulizija minn fuq il-post kienet li l-akkużat li huwa persuna ta’ interess għal dan l-omċidju. Kif kienet qed tippreparara biex tipproċedi għall-arrest tiegħu għall-ħabta 5.15pm. il-Pulizija kienet infurmata mill-Għassa tar-Rabat li l-akkużat kien mar l-Għassa ma’ xi familjari tiegħu fejn qal li kien hu li qatel lil Eric Birg.
Azzopardi ġie arrestat u ngħata id-drittijiet legali tiegħu.Il-Qorti hawn ikkonvalidat l-arrest. Kien hawn li d-difiża mmexxija mill-Avukat Arthur Azzopardi talbet lill-Prosekuzzxjoni biex jiġu preżenati il-files mediċi kollha tal-imputat kemm jista’ jkun maljar u dawn kemm ta’ l-isptar Mater Dei u b’mod partikolari dawn ta’ Monte Carmeli.
Dr. Kaylie Bonett mill-uffiċċju tal-AĠ qalet li parti minn dan ix-xogħol diġa sar wara li ngħata l-inkarigu Dr. Mario Scerri bħala espert. Azzopardi, li huwa sid ta’ razzett fir-Rabat tittieħditlu stqarrija mill-Pulizija tard it-Tlieta wara nofs inhar u wara l-Pulizija kompliet għaddejja bl-istħarriġ tagħha dwar dan il-każ, li wassal għall-ewwel omiċidju tal-2024.