Internazzjonali

Jinqatel fi splużjoni fil-Libanu mexxej tal-Hamas – Iżrael tiċħad li kellha involviment

Biża li s-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani tkompli teskala, sitwazzjoni li qed tiġi deskritta minn bosta bħala waħda prekarja wara li allegatament Iżrael qatlu mexxej tal-Hamas fil-Libanu.

Filwaqt li l-President Franċiż Emanuel Macron qed jappella lil Iżrael sabiex jevitaw l-eskalazzjoni fil-Libanu wkoll wara l-assassinju ta’ Saleh al-Arouri fi splużjoni f’Beirut, l-Iżraeljani għadhom ma kkonfermawx jekk effettivament kinux huma wara l-bomba qattiela.

Dan filwaqt li l-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Abdallah Bou Habib, spjega li l-awtorijtajiet Lebaniżi talbu lil Hebollah sabiex ma jirritaljawx.

Flimkien mad-Deputat Mexxej tal-Hamas, inqatlu wkoll żewġ kmandanti oħrajn f’dak li qed jiġi allegat li kienet missjoni kirurġika minn naħa tal-Iżraeljani.

Esperti qed jisħqu li l-Awtoritajiet Iżraeljani se jkunu qed imorru wara dawk kollha involuti fil-pjanifikazzjoni tal-attakk li seħħ fis-7 ta’ Ottubru….irrelevanti f’liema lok jew pajjiż ikunu jinsabu.

Intant qed jiġi rrapportat li l-attakk permezz ta’ drone li seħħ it-Tlieta filgħaxija f’Beirut qed tpoġġi pressjoni qawwija fuq il-militanti tal-Heżbollah biex jintervjenu madanakollu bosta qed jisħqu li dan ma kienx attakk fuq il-Libanu imma fuq il-Hamas.

Finalment l-Intelligence Amerikana qed tisħaq li tinsab kunfidenti li hemm ostaġġi Iżraeljani maqbuda fi sptar f’Gaza – bil-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu jispjega lill-qraba tal-ostaġġi l-possibilità li jintlaħaq ftehim mal-Hamas – fost oħrajn li l-mexxejja tal-grupp militanti jiġu eżiljati u l-ostaġġi liberati.

Il-qtil ta Al-Aurori qed jitqies bħala l-ikbar telfa li qatt sofrew il-Hams sa mill-bidu tal-attakki tagħhom fuq Iżrael fis-7 ta’ Ottubru, attakki li fihom inqatlu 1,200 persuna bil-maġġoranza tagħhom ikunu ċivili.