Lokali Saħħa

“Kriżi li se tkompli tigrava jekk ma tiġix indirizzata”

Is-settur pubbliku tas-saħħa jinsab taħt ħafna pressjoni u jekk is-sitwazzjoni ta’ żieda fil-popolazzjoni se tibqa’ ma tiġiex indirizzata din il-kriżi se tibqa’ tigrava.

Kienet din id-dikjarazzjoni li għamel l-editorjal tat-Times of Malta tal-Erbgħa, dan wara li bosta pazjenti ilmentaw li mhux qed jieħdu il-kura meħtieġa fil-ħin, waqt li dawk li jeħtieġu operazzjoni urġenti qed jitħallew jistennew għal tal-inqas tlett ijiem.

Spazji oħra fl-isptar bħal kurituri, kmamar fejn il-pazjenti issoltu jistennew, libreriji kif ukoll il-canteen qed jispiċċaw jintużaw bħala wards hekk kif ma hemmx biżejjed spazju fejn joqgħodu l-pazjenti.

L-editorjal kompla jgħid li d-dipartiment tal-Emerġenza jinsab fi kriżi oħra hekk kif pazjenti li jmorru f’dan id-dipartiment qed ikollhom jistennew għal iktar minn 10 siegħat sabiex jingħataw servizz.

Dawn, kompla jgħid l-editorjal huma kollha sintomi ta’ settur tas-saħħa li jinsab taħt pressjoni kbira. Sitwazzjoni li bosta, u bir-raġun iqisu bħala inaċċettabli.

Pero is-settur tas-saħħa mhux l-unika settur li spiċċa f’ dan l-istat hekk kif is-settur soċjali qed jispiċċa jbagħti l-konsegwenzi, wara li dawk li jingħataw permess biex jitilqu mill-isptar qed jgħażlu li jibqgħu hemm għax jekk jitilqu m’għandhomx garanzji li ser jirċivu l-għajnuna edegwata mid-djar tagħhom.

Fl-editorjal ġie spjegat ukoll kif il-pubbliku jistenna li hu jingħata servizz talli jħallas it-taxxa pero dawn qed jaraw kif mijiet ta’ miljuni ta’ flus li ħalsu f’taxxi spiċċaw inħlew fi proġetti falluti waqt li servizz tas-saħħa baqa dejjem sejjer lura.

L-editorjal ikonkluda jgħid li l-poplu Malti ftit li xejn għadu jafda lil Gvern ta’ Robert Abela sabiex jiprovdi servizz ta’ saħħa adegwat, hekk kif sena wara oħra kompla juża b’mod irresponsabli flus il-poplu.