Lokali

“L-iktar li nimmisja li niftaħ il-bieb tad-dar u mmur ħdejn il-mara u t-tfal”

Iktar 'l isfel tista' ssegwi l-intervista sħiħa li Shawn Mifsud ta lil Net News

Ħajtu nqalbet ta’ taħt fuq mill-lejl għan-nhar. Minn persuna miżżewġa b’żewġt ibniet jgħix ħajja pjuttost normali spiċċa jissielet għal ħajtu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva u tilef partijiet minn saqajh u jdejh it-tnejn.

Shawn Mifsud – missier ta’ 37 sena. Jum minnhom stenbaħ b’uġigħ ta’ ras u deni qawwi li b’xejn ma setgħu jikkontrollawhom.

Sempliċiment infezzjoni li qabditu waslet biex Shawn spiċċa jissielet għal ħajtu għal ġimagħtejn sħaħ. Dan wara li b’riżultat tal-infezzjoni, il-pressjoni tinżel f’livelli inkwetanti ferm tant li spiċċa fil-periklu tal-mewt darbtejn.

Shawn irnexxilu jikkumbatti din l-infezzjoni iżda ħareġ minnha billi t-tobba kellhom ineħħulu parti minn idejh u saqajh it-tnejn sabiex ikunu jistgħu jsalvawlu ħajtu.

“Illum il-ġurnata sirt napprezza iktar il-ħajja”

Iżda minkejja dan kollu, id-determinazzjoni u l-pożittività ta’ Shawn ma tbattix. Id-determinazzjoni f’Shawn għenitu ferm iżda ħajtu tista’ tersaq eqreb għan-normal la darba jkollu drigħ artifiċjali tal-aħħar teknoloġija, liema teknoloġija tiswa’ l-eluf ta’ ewro.

Dan apparti li dan kollu wassal ukoll biex l-infezzjoni taffetwalu wkoll il-kliewi tant li għandu bżonn trasplant tal-kliewi.

X’inhi l-iktar ħaġa li Shawn iħoss in-nuqqas tagħha mill-ħajja barra Karin Grech, fejn illum il-ġurnata jinsab rikoverat?

“Bħalissa, l-iktar ħaġa li qed nimmisja li niftaħ il-bieb tad-dar tiegħi,” qal Shawn Mifsud.

Segwi hawn l-intervista sħiħa ma’ Shawn Mifsud:

https://www.facebook.com/watch?v=7504266399583930