“Il-Partit Laburista jista’ jieħu aktar ħsieb tal-militanti antiki u mhux daqstant antiki tiegħu.”
Dan sostnieh l-eks Mexxej tal-Partit Laburista Alfred Sant permezz ta’ post fuq il-midja soċjali fejn sostna li dawk li jaħdmu qatigħ għall-Partit Laburista qed jiġu injorati ta’ spiss.
Fl-istess post Alfred Sant qal li matul l-aħħar xhur sema’ b’diversi ilmenti minn nies li ilhom spiss jimmilitaw fi ħdan l-istrutturi. B’Sant jisħaq li f’investigazzjoni li wettaq hu stess irriżulta li hemm ġustifkazzjoni f’dawn l-ilmenti. Iżda minkejja li għadda ż-żmien jidher l-ilmenti ta’ dawn in-nies waqgħu fuq widnejn torox hekk kif il-Partit Laburista ma ħa ebda azzjoni.
Matul is-sena li għaddiet diversi esponenti fi ħdan il-Partit Laburista tkellmu b’mod apert li l-Partit mhux vera għadu tal-ħaddiema tant li l-valuri soċjalisti li kien iħaddan abbadunahom għal kollox. Dan apparti li qalu li l-Partit Laburista m’għadux jara l-interessi taż-żgħir għaliex dejjem qed ikompli jgħin lil tal-qalba.
Fil-post tiegħu Alfred Sant qal li dawn in-nies li ilmentaw dejjem kienu lesti li jagħmlu kull sagrifiċċju sabiex jagħtu servizz lill-Partit Laburista anke f’perjodu mhux ta’ elezzjoni. Hawnhekk Sant saħaq li dawn in-nies ħaqqhom ferm aħjar filwaqt li ssuġġerixxa li ittra personalizzata ta’ rringrazzjament tas-servizz tagħhom kapaċi tfisser ħafna għalihom.
Intant, matul is-snin il-Partit Laburista apparti li warrab għal kollox l-interessi tal-poplu warrab diversi esponenti tal-Partit tiegħu stess b’uħud minnhom spiċċaw jirreżenjaw għaliex ħassew li l-Partit li jirrapreżentaw abbanduna għal kollox il-valuri tiegħu.
Dan hekk kif Sant stess kemm-il darba qal li l-Partit Laburista prova jċekknu u jwarrbu għal kollox tant li l-preżenza tiegħu fil-midja tal-Partit Laburista hija waħda ineżistenti.
//= $special ?>