Bouncer Albaniż ta’ 21 sena inżamm taħt arrest wara li tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud fejn wieġeb mhux ħati li kien involut fi ġlieda quddiem stabbiliment f’Paceville bejn l-aħħar tas-sena u l-ewwel tas-sena u li kkaġuna ġrieħi gravi fuq persuna.
Riald Gragjevi residenti San Pawl il-Baħar qal li hu kien vittma f’dan il-każ fejn ukoll sofra xi ġrieħi. Hu nqabad l-ajruport internazzjonali ta’ Malta biex jaqbad titjira lejn pajjiżu, bid-difiża tgħid li hu m’għamilx hekk biex jaħrab minn Malta iżda li l-biljett tal-ajru tiegħu kien ilu maqtugħ madwar tliet ġimgħat qabel seħħ l-inċident.
L-Ispettur Brian Xuereb li flimkien mal-Avukati Etienne Savona u Guiliana Magro Conti mill-uffiċċju tal-AĠ qed imexxi l-prosekuzzjoni qal li l-Pulizija rċiviet informazzjoni li kien hemm persuna mitlufa minn sensiha fi Triq San Ġorġ, Paceville u meta marru hemm sabuh bi ġrieħi f’wiċċu permezz ta’ flixkun u ttieħed l-isptar permezz ta’ ambullanza.
L-Ispettur Xuereb qal ukoll li rriżulta li l-akkużat kien se jitlaq minn Malta u marru l-ajruport fejn arrestawh u ħaduh l-Għassa tal-Pulizija. Minn naħa tagħha d-difiża mmexxija mill-Avukati Shazoo Ghaznavi, Charlon Gouder u Jessica Formosa qalu lill-Qorti li ma kienux se jagħmlu talba għall-pleġġ f’dan l-istadju.
L-Avukat Ghaznavi qal li l-klijent tiegħu ma kienx l-aggressur f’dan il-każ, anzi kien il-vittma fejn kellhom isirulu tmien ponti wara li qala’ daqqa ta’ flixkun, meta lejh ġew mwaddba żewġ fliexken tal-ħġieġ. Id-difiża qalet li ma kellu x’jasam xejn mal-feriti li sofra l-allegat vittma, li ukoll huwa wieħed mis-suspettati li kien involut fil-ġlieda, argument li kien ikkonfermat mill-Ispettur Xuereb.
Il-Pulizija għadha qed tinvestiga filmat li juri raġel midrub, jaqla’ diversi daqqiet u msawwat minn grupp ta’ bouncers f’Paceville barra nightclub. Il-filmat li ġie ppubblikat minn Lovin Malta. Dan juri ħames gwardjani tas-sigurtà jattakkaw lir-raġel, jirfsulu wiċċu u jsawwtuh b’oġġett tal-metall. Il-vittma jidher mimdud bla ma jiċċaqlaq mal-art u b’idejh mdawwra ma’ rasu hekk kif il-bouncers jidhru jagħtuh is-sieq ripetutament.
L-inċident kien iffilmjat barra stabbiliment, madankollu jidher li l-post kien magħluq lejlet l-Ewwel tas-Sena u li l-bouncers ma ġewx mikrija minnu. Minbarra li kkaġuna feriti gravi fuq ċertu Idriss Ahmed Adem, Gragjevi ġie mixli wkoll li uża arma fuq l-allegat vittma u li fl-istess ġranet, ħin u lokalita kiser il-paċi pubblika. Il-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha dwar dan il-każ.
//= $special ?>