Ewropa Internazzjonali Unjoni Ewropea

Din is-sena se jsiru l-elezzjonijiet fi kważi 50 pajjiż

Analiżi ta’ Joe Calleja

Matul din is-sena, se jivvutaw aktar minn żewġ biljun persuna f’rekord storiku ta’ elezzjonijiet li se jsiru f’sena waħda fi kważi 50 pajjiż, inklużi r-Russja, l-Indja, il-Messiku, ir-Renju Unit u pajjiżi oħra fl-Ewropa, minbarra dawk kollha membri fl-Unjoni Ewropea.

Bejn is-6 u d-9 ta’ Ġunju, madwar 400 miljun votant Ewropew minn 27 stat membru, inkluż Malta, se jipparteċipaw fl-akbar elezzjoni demokratika fid-dinja sabiex ikunu eletti l-membri li se jiffurmaw l-Parlament Ewropew il-ġdid. Fit-8 ta’ Ġunju f’pajjiżna se jsiru wkoll l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali.

Din is-sena, il-Portugall, il-Belġju u l-Awstrija għandhom ukoll l-elezzjonijiet ġenerali tal-pajjiżi rispettivi tagħhom. L-elezzjoni tal-Portugall hi mistennija minn bosta Portugiżi wara li l-Prim Ministru Soċjalista tagħhom António Costa kellu jirriżenja wara li qed issir investigazzjoni fil-konfront tiegħu fuq korruzzjoni u allegat tixħim.

Ir-Renju Unit ukoll qed jistennew għad-data uffiċjali għall-elezzjoni ġenerali, hekk kif għadda t-terminu ta’ 5 snin. L-elezzjonijiet huma mistennija jsiru fir-Rebbiegħa ta’ din is-sena, iżda jistgħu jiġu posposti għall-Ħarifa, bl-aħħar data disponibbli tkun Jannar tal-2025.

Imiss ukoll ir-reġjuni ta’ Abruzzo, Basilicata, Piemonte, Sardinja u Umbria fl-Italja, flimkien ma’ 3,700 muniċipalità li se jkollom l-elezzjonijiet amministrattivi. Bari, Cagliari, Campobasso, Firenze, Perugia u Potenza huma fost il-bliet kapitali li fihom se jiġu eletti s-Sindku u l-Kunsill tal-belt.

Waħda mill-elezzjonijiet li mistennija mid-dinja kollha hi dik tal-Istati Uniti, fejn fil-5 ta’ Novembru izjed minn 160 miljun votant se jagħżlu s-60 President Amerikan. Sar u qed isir minn kollox biex lil eks-President Donald Trump ma jħalluhx jikkontesta, hekk kif ir-rebħa tiegħu għadha possibbli u tista’ tbiddel l-attitudni ġeopolitika lejn kunflitti bħal dak Russo-Ukrajn, iżda wkoll għażliet kummerċjali u ekonomiċi.

Fost l-elezzjonijiet oħrajn madwar id-dinja hemm ukoll tar-Russja fis-17 ta’ Marzu, iżda l-elezzjoni mill-ġdid ta’ Putin tidher li hija ċerta. Bejn April u Mejju hemm ukoll l-elezzjonijiet fl-Indja, fejn 900 miljun persuna se jivvutaw. Il-Prim Ministru fil-kariga, Narendra Modi, qed iħares lejn l-elezzjoni mill-ġdid għat-tielet mandat fil-pajjiż li huwa meqjus bħala l-akbar demokrazija fid-dinja.

F’Ġunju madwar 100 miljun votant Messikan se jissejħu jivvutaw għal l-president il-ġdid. Din hi l-ewwel darba fl-istorja tal-Messiku li ż-żewġ kandidati ewlenin huma nisa. Fl-ewwel ftit xhur tas-sena se jsiru wkoll l-elezzjonijiet fit-Tajwan, fil-Belarus, kif ukoll fl-Iran.