Għalliem li lura fi Frar tas-sena l-oħra kien instab ħati li kkorrompa tifla ta’ 12-il sena, issa ttieħditlu l-warrant u b’hekk ma jistax jibqa’ jipprattika din il-professjoni.
Carmel Agius ta’ 56 sena mill-Fgura kien intbagħat sentejn ħabs wara li l-Maġistrat Claire Stafrace Zammit kienet sabitu ħati li waqt free lesson abbuża mit-tifla waqt li kienet qed taħdem fuq proġett tal-arti.
Il-każ imur lura għal jiem ta’ qabel il-btajjel tal-Għid tal-2018 meta omm it-tifla kienet għamlet rapport, bil-Pulizija bdew jinvestigaw il-każ.
Skont xhieda tat-tifla, hi kienet laqgħet is-suġġeriment tal-għalliem tagħha biex waqt free lesson tmur taħdem fil-klassi tiegħu fuq il-proġett li kien ta lill-istudenti tiegħu. Dan hekk kif kien wissihom li min ma jirnexxilux ilesti dan il-proġett kienet se tiġi affetwata l-marka finali.
Jidher li l-għalliem kien sakkar il-bieb tal-klassi waqt li kienu weħidhom filwaqt li mar warajha u beda jmissha b’mod mhux xieraq. Hi kienet qaltlu li mhix tħossha komda u ċċaqilqet minn postha.
L-akkużat kien appella s-sentenza tal-ewwel Qorti iżda l-Qorti tal-Appell, f’Lulju, kienet ikkonfermat is-sentenza oriġinali li ngħatat għaliex ma ħasset li ma kienx hemm raġuni għalfejn ma temminx lit-tifla.
Intant, Agius qed jaffaċja wkoll proċeduri kriminali oħra wara rapporti li saru f’inċidenti separati b’rabta ma’ każijiet li allegatament seħħew fl-istudio tiegħu fejn jagħti lezzjonijiet privati. Wara l-każ tat-tifla, apparti li ttieħditlu l-warrant, l-għalliem tniżżel ukoll fir-reġistru ta’ dawk li jwettqu offiżi sesswali.
//= $special ?>