Internazzjonali

Gwerra Iżrael-Gaza: Twissija kontra attakki ġodda fuq vjaġġi tal-merkanzija fil-Baħar l-Aħmar

L-Istati Uniti, ir-Renju Unit u għaxar stati oħra wissew lir-ribelli fil-Jemen li se jiffaċċjaw konsegwenzi jekk ikomplu jattakkaw il-vjaġġi tal-merkanzija fil-Baħar l-Aħmar.

Fi stqarrija konġunta, il-grupp ta’ pajjiżi prinċipalment tal-Punent sejjaħ għat-tmiem immedjat tal-attakki.

Ir-ribelli Houthi appoġġjati mill-Iranjani ddikjaraw appoġġ għall-Ħamas fil-gwerra li bdiet kontra l-Iżrael fis-7 t’Ottubru li għadda.

Minn Novembru, ir-ribelli attakkaw il-vjaġġi tal- merkanzija fil-Baħar l-Aħmar aktar minn 20 darba permezz ta’ użu ta’ missili, drones, dgħajjes u ħelikopters.  Filwaqt li sostnew – ħafna drabi b’mod qarrieqi – li l-vapuri kienu marbuta ma’ Iżrael.

Il-grupp ta’ 12-il stat – l-Awstralja, il-Bahrain, il-Belġju, il-Kanada, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Italja, il-Ġappun, l-Olanda, New Zealand, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti – ħareġ twissija formali lill-Houthi fejn   sejħu l-attakki Houthi li għaddejjin fil-Baħar l-Aħmar bħala “illegali,  u inaċċettabbli” u qalu li ma kien hemm “l-ebda ġustifikazzjoni legali biex jiġu mmirati intenzjonalment bastimenti ċivili u bastimenti navali” . 

Il-pajjiżi saħqu li jekk il-grupp ta’ ribelli se jkompli jattakka, se jġarrab il-konsegwenzi. Dan huwa interpretat bħala theddida ta’ azzjoni militari kontra miri fil-Jemen, inkluż fejn il-missili huma maħżuna.