Lokali

“Il-Gvern għandu l-obbligu jiżgura li dawk li qed jafda verament jirrispettaw lil pajjiżna”

Il-Knisja f’Għawdex ċanfret id-deċiżjonijiet li qed jieħdu numru ta’ amministrazzjonijiet f’diversi setturi madwar pajjiżna; deċiżjonijiet li qed iħallu ħsara irreparabbli.

Fi stqarrija ntqal li numru ta’ deċiżjonijiet ta’ żvilupp li ttieħdu riċentement f’Għawdex, fosthom dik fl-inħawi tat-Tempji tal-Ġgantija, huma ta’ tħassib serju ħafna, kemm fihom infushom, imma iktar u iktar fil-messaġġ li jwasslu.

Fl-aħħar xhur kien ħareġ permess mill-Awtorità tal-Ippjanar biex tinbena blokka ta’ iktar minn 22 appartament u 20 garaxx li tinsab 200 metru biss minn dawn it-tempji protetti u ta’ wirt storiku.

Lil hinn mit-teknikalitajiet u l-legaliżmi, id-Djoċesi Għawdxija qalet li min hu fdat bit-tmexxija tal-pajjiż għandu d-dmir li jħares lill-persuni l-iktar dgħajfa u l-ġid komuni fuq l-interessi individwali, u li jiżgura li l-ġustizzja fit-tqassim tal-ġid tkun applikata kemm maċ-ċittadini tal-lum u kemm mal-ġenerazzjonijiet futuri. Huwa hekk biss li jista’ jkollna verament soċjetà ġusta.

Il-Knisja f’Għawdex qalet li l-Gvern għandu l-obbligu jiżgura li dawk li qed jafda bl-amministrazzjoni tad-diversi setturi fil-pajjiż qed jagħmlu dan skont il-liġi u r-regolamenti li huma stess imsejħa japplikaw. Dan hekk kif saħqu li mhux aċċettabbli li xi wħud minn dawn jieħdu deċiżjonijiet u jżommu argumenti li jkunu fattwalment skorretti.

Fakkru li mhux biżżejjed li min imexxi u jiddeċiedi ma jkunx qed jikser il-liġi; hemm ħafna ċirkustanzi u għemejjel li għalkemm jistgħu ma jkunux qed jiksru l-liġi, xorta jafu jkunu etikament u moralment skorretti u inġusti.

F’dan il-każ partikolari, bħal ħafna każijiet oħra, kien ġie nnotat li l-partijiet kollha ma kellhomx l-opportunità għas-smigħ pubbliku dwar deċiżjonijiet pubbliċi sabiex jesprimu ruħhom liberament u adegwatament. Fil-fatt, mijiet u eluf ta’ persuni kienu bdew petizzjoni sabiex isemmgħu leħinhom.

Kien hawnhekk fejn appellaw lill-Gvern biex jikkunsidra li jissospendi l-proċedura, adottata fiż-żmien tal-COVID tas-smigħ tal-applikazzjonijiet tal-ippjanar online, u jaċċerta li jekk xi partijiet qed jiġu ċċensurati, il-bordijiet jerġgħu lura għall-prassi ta’ qabel il-COVID, jiġifieri tas-smigħ fiżiku, sakemm dan ir-riskju ma jiġix indirizzat għas-sodisfazzjon ta’ kulħadd.

Riċentament, il-Prim Ministru Robert Abela għamel dikjarazzjoni cara dwar din il-blokka li se tinbena. Dan meta qal b’mod dirett li l-Heritage Impact Assesment – skont hu – se jsib li mhux se jkun hemm impatt fuq it-tempji.