F’attivita li organizzaw il-Partit Nazzjonalista fis-sala ta’ Dar Centrali, ġie msostni l-importanza tal-ħidma tal-voluntiera fi ħdan il-Partit, speċjalment bl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u tal-Parlament Ewropew 5 xhur biss il-bogħod.
Is-Segretarju Generali Michael Piccinino sostna l-importanza li kulħadd jagħmel il-parti tiegħu billi jikkonvinċu lil kull min jafu sabiex joħorġu jivvotaw għal Partit Nazzjonalista, sabiex ftit xhur oħra jkollna r-risposta li jixraqilna.
Il-Viċi Kap Alex Perici Calascione kompla jsostni l-importanza tax-xogħol tal-voluntiera, filwaqt li sostna li l-Partit Nazzjonalista dejjem se jkun hemm sabiex jappoġġja l-kandidati tiegħu, l-aqwa li kulħadd ikollu qalb waħda – dik Nazzjonalista.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech sostna li għalxejn ngħidu “issa li kieku…” mingħajr ma naħdmu u nistinkaw f’dak kollox li nagħmlu. Hu kompla jgħid li “l-ħidma biss twassalna biex nimxu ‘l quddiem… il-qrid, tgergir u dubju jimbuttawna lura”.
Bernard Grech temm billi sostna li aħna għandna nkunu determinati u fiduċjużi li nerġgħu nagħmlu l-Partit Nazzjonalista wieħed glorjuż għal futur ta’ pajjiżna.


