Internazzjonali

Il-Libanu: Il-qtil tal-Viċi-Kap tal-Ħamas kapaċi jixpruna gwerra oħra bejn Iżrael u l-Ħeżbollah

Il-qtil, fil-Libanu,  tal-Viċi-Kap tal-Ħamas x’aktarx li fetaħ is-siparju għal front ġdid tal-gwerra fil-Lvant Nofsani. Dan fost it-tensjoni akuta fil-Libanu, fejn il-militanti tal-Ħeżbollah qed iħejju għall-pass li jmiss wara l-eliminazzjoni ta’ Saleh al-Arouri, li kien fost l-aktar uċuh prominenti fil-ġerarkija tal-Ħamas

Il-funeral ta’ Arouri – vittma ta’ attakk bi drone li anki sewa l-ħajja ta’ sitta oħra — sar illum f’Bejrut, il-kapitali tal-Libanu u fejn hu kellu jispiċċa assassinat nhar l-Erbgħa.

Filwaqt li l-qtil ta’ Arouri kompla jżid l-ansjetà li l-gwerra bejn Iżrael u l-Ħamas kapaċi tinfirex madwar ir-reġjun,l-Iżraeljani la konfermaw u lanqas ma ċaħdu responsabbiltà għall-azzjoni tal-Erbgħa.

L-attakk bi drone fuq Arouri laqat is-subborg ta’ Dahieh, lejn in-Nofsinar ta’ Bejrut, u li magħruf bħala fortizza tal-Ħeżbollah – il-moviment tal-militanti Xiti li għandu wieħed mill-akbar Armati fil-Lvant Nofsani u li hu wkoll impenjat għall-qerda ta’ Iżrael.

Il-Kap tal-Ħeżbollah, Hasan Nasrallah, waqt diskors, ikkundanna lil Iżrael dwar ‘aggressjoni sfaċċata’ u li ‘għandha twassal għal kull forma ta’ ritaljazzjoni’. Intant, Nasrallah ma għamel l-ebda theddida ċara dwar azzjoni kontra Iżrael għalkemm kollox kapaċi jiġri fil-jiem li ġejjin.

L-eliminazzjoni ta’ Arouri kienet anki daqqa ta’ ħarta għal-Ħeżbollah, bl-osservaturi jaqblu li l-attakk seta’ kien maħsub ukoll bħala ‘messaġġ’ li l-Iżraeljani kapaċi jolqtu anki lill-akbar fortizzi u siti ewlenin tal-militanti Xiti.

Mhux eskluż, intant, li l-Ħeżbollah qed iżomm pass lura minn gwerra totali ma’ Iżrael, minkejja li l-militanti tiegħu qed jisparaw kontinwament il-missili lejn il-komunitajiet Iżraeljani man-naħa l-oħra  tal-fruntiera,

Dan ukoll meta l-poplu tal-Libanu mhux favur konfront militari kbir mal-Iżraeljani meta qiegħed jgħixu f’pajjiż fallut fuq livell ekonomiku,

Fl-istess ħin, l-awtoritajiet Iżraeljani wissew lill-Ħeżbollah li l-belt ta’ Bejrut kapaċi tkun suġġetta għall-istess kalvarju ta’ Gaza, f’każ li l-militanti ta’ Nasrallah iżidu l-ostilitajiet fir-reġjun.

Fil-fatt, xi uffiċjali Iżraeljani huma favur li l-qawwiet tagħhom iwettqu azzjonijiet aktar ħorox fir-rigward tal-Ħeżbollah biex inaqqsu  t-theddida għall-komunitajiet Iżraeljani viċin il-fruntiera mal-Libanu.

Fl-aħħar żviluppi, il-Ħeżbollah qal li numru ta’ militanti kienu tilfu ħajjithom waqt sparaturi min-naħa tal-fruntiera għall-oħra.

Intant, il-militar Iżraeljan, fl-aħħar sigħat, attakka l-infrastruttura tal-gruppi terroristiċi – u  fost rapporti rigward attakki ġodda mil-Libanu fuq l-artijiet ta’ Iżrael.