Lokali Qorti

It-talba għall-files mediċi ta’ Noel Azzopardi hi relatata ma’ tumur li kien tneħħielu fl-età ta’ 14-il sena

It-talba li saret mill-avukati ta’ Noel Azzopardi mixli li qatel lil Eric Borg fl-Ewwel tas-Sena biex jiġu preżentati l-files mediċi kollha tiegħu saret b’rabta ma’ tumur li kien tneħħielu fl-età ta’ 14-il sena. L-Avukati Arthur Azzopardi, Jacob Magri u Alex Miruzi għamlu din it-talba lill-Maġistrat Monica Vella nhar l-Erbgħa, wara li quddiemha tressaq Azzopardi ta’ 39 sena mir-Rabat, mixli bil-qtil ta’ Borg ta’ 27 sena li huwa wkoll mir-Rabat permezz ta’ żewġ tiri ta’ senter f’dahru fit-3.30pm.

Aktar dwar din it-talba mistennija toħroġ fil-kumpilazzjoni li se tinstema’ quddiem il-Maġistrat Marse- Anne Farrugia fil-jiem li ġejjin. Sa issa għadha ma ġietx assenjata data għal meta se jibdew jinstemgħu l-ewwel provi.

Id-difiża temmen li Noel Azzopardi ma baqax jiġi segwit b’mod regolari wara operazzjoni li saritlu 25 sena ilu fl-isptar San Luqa. U minn stħarriġ li għamlet, 60 fil-mija tat-tobba huma tal-fehma li tumur jista’ jerġa’ jiżviluppa u jew saħansitra ikollu effett fuq il-moħħ tal-pazjent.

Meta tressaq il-Qorti fejn Azzopardi wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih, it-talba li saret mid-difiża għall-files mediċi ma kien hemm l-ebda oġġezzjoni minn naħa tal-prosekuzzjoni għal dan. Noel Azzopardi wieġeb mhux ħati li fl-Ewwel tas-sena qatel liż-żagħżugħ Eric Borg b’mod istantanju.

Ma saret l-ebda talba għall-pleġġ mid-difiża li talbet lill-Qorti biex il-psikjatri tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin ikollhom aċċess għall-files mediċi tal-akkużat kemm dawk ta’ Mater Dei kif ukoll tal-isptar Monte Carmeli.

Azzopardi qed ġie mixli wkoll li kellu fil-pusses tiegħu arma tan-nar u li spara arma tan-nar f’distanza ta’ 200 metru mill-pubbliku. Ġie mixli wkoll li żamm arma u munizzjon f’post ta’ residenza. Kien għall-ħabta tat-3.30pm wara meta l-kwiet fl-inħawi tan-Nigret, fir-Rabat stess inkiser meta wara tilwima bejn Azzopardi u Borg, allegatament Azzopardi daħal fil-karozza tiegħu fejn fuq is-seat tal-passiġġier qabad is-senter tal-kaċċa tiegħu u ħarġu mill-pocket.

Meta raha hekk Borg inħasad u dahar biex jitlaq minn fuq il-post malajr kemm jista’ jkun. Minn informazzjoni li għandu NET News allegatament ftit ingħata ċans minn Azzopardi spara tir f’dahar il-vittma u hekk kif dan niżel ma’ l-art ġie sparat tir ieħor. Eric Borg spiċċa mixħut fuq il-bankina u miet fi ftit tal-ħin.

Jidher li l-akkużat kien osessjonat li xi ħadd kien qed isegwih u jmur fejn l-għalqa tiegħu, fejn dejjem kien beżgħan li din se tittieħidlu. Kellu wkoll suspett li l-vittma kien wieħed minn dawk li qed isegwih, bl-argument jiskala ftit tas-sekondi qabel l-isptaraturi meta allegatament Borg qal lil Azzopardi – “ħallini bi kwieti għax inpattiehilek.”

L-akkużat, li jgħix mal-ġenituri tiegħu telaq minn fuq il-post u mar id-dar. Kif missieru nnota xi dmija fuq ibnu, staqsieh x’kien ġara u huwa mifhum li qal lil missieru l-istorja kollha. Kien missieru li ħa lil Noel Azzopardi l-Għassa tal-Pulizija tar-Rabat.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mis-Supretendent Keith Arnaud u l-Ispetturi Wayne Camilleri u Godwin Scerri u mgħejjuna mill-Avukat mill-uffiċċju tal-AĠ Kaylie Bonett.