Lokali

Konferenza tal-aħbarijiet mill-PL tikkonferma li l-Gvern m’għandux interess li jġib l-€400 miljun lura

Konferenza tal-aħbarijiet mill-Gvern li ġġiblek għajnejk wara widnejk… fejn smajna dikjarazzjonijiet mill-aktar surreali.

Dan kollu juri li l-Partit Laburista qed jgħix f’dinja oħra hekk kif qal li fil-kawża li fetaħ l-Partit Nazzjonalista kontra l-Avukat tal-Istat ma kienx imħares l-interessi tal-poplu.

Dan hekk kif il-Ministru Jonathan Attard u s-Segretarju Parlamentari Andy Ellul ddeskrivew l-kawża tal-Partit Nazzjonalista bħala perikoluża għaliex skont huma dak li qed jagħmel qed ikun ta’ spalla ma’ Steward.

Ta’ min wieħed ifakkar li kien il-Partit Nazzjonalista li ħa azzjoni kontra l-Gvern u Steward hekk kif fid-deal frawdolenti ma sar l-ebda investiment fis-settur tas-saħħa. Mhux talli hekk… talli insterqu 400 miljun mill-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Dan qed ikompli jikkonferma kemm il-Gvern ta’ Robert Abela m’għandu l-ebda interess li jġib lura l-€400 miljun li nsteraq il-poplu Malti u Għawdxi… bil-Ministru Jonathan Attard qal li f’dan id-deal issalvagwardja l-interess nazzjonali.

Apparti minn hekk, intqal ukoll li l-Qorti tal-Appell ma tat l-ebda istruzzjoni biex l-awtoritajiet jieħdu azzjoni f’sentenza fejn ġie ddikjarat li kien hemm kollużjoni. Bis-Segretarju Parlamentari Andy Ellul jipprova jieħu l-mertu li l-arbitraġġ internazzjonali fetħu l-Gvern stess iżda kien Steward li beda jieħu l-passi.

Fis-saga ta’ Vitals u Steward…il-Gvern għal darba darbtejn kien mistieden li jipparteċipa fil-kawża iżda f’kull stadju l-Gvern ta’ Robert Abela flimkien mal-awtoritajiet ta’ pajjiżna qatt ma ħadu azzjoni fil-konfront ta’ Steward wisq anqas ġabu l-interess nazzjonali l-ewwel biex f’Malta għandna settur tas-saħħa li spiċċa għarkubbtejh. Intant, il-kawża tal-Partit Nazzjonalista kontra l-Avukat tal-Istat se tibda tinstema minn nhar it-Tnejn illi ġej.