Internazzjonali

L-Iran: Tfittxija intensiva għat-‘terroristi ta’ Kerman’ fost l-akkużi kontra l-Istati Uniti u Iżrael

Il-Mexxej Suprem tal-Iran, l-Ayatollah Ali Khamenei, ħalef li l-Istat se jirreaġġixxi bl-aħrax kontra l-aggressuri responsabbli mill-isplużjonijiet ta’ nhar l-Erbgħa fil-qalba ta’ Kerman…Splużjonijiet li seħħew waqt il-purċissjonijiet li kienu għaddejjin fil-belt u li ħallew ‘il fuq minn 90 mejtin, minbarra l-għexieren tal-feruti.

Il-vittmi kienu fost il-folol li kienu qed ifakkru l-anniversarju tal-qtil tal-Ġeneral Qasem Soleimani; Kmandant ewlieni tal-qawwiet tal-Iran u li kien involut ukoll fis-servizzi sigrieti ta’ pajjiżu. Soleimani kien assassinat f’Bagdad (fl-Iraq) fit-3 ta’ Jannar tal-2020 u fejn spiċċa vittma ta’ attakk mill-ajru mmexxi mill-Istati Uniti.

L-ebda grupp, intant, ma assuma responsabbiltà għall-attakk f’Kerman, fin-Nofsinar tal-Iran – b’Khamenei jinsisti li l-persuni wara l-isplużjonijiet tal-bombi qalb in-nies għandhom jirrikonoxxu li ma jeżisti l-ebda mod kif huma jistgħu jaħarbu mill-pajjiż.

Fl-istess ħin, Mohammad Jamshidi, il-Viċi-Kap politiku tal-President Iranjan Ebrahim Raisi, akkuża lill-Istati Uniti u lil Iżrael dwar id-dmija fil-qalba ta’ Kerman.

Madankollu, l-Istati Uniti ċaħdet għal kull sehem fl-isplużjoni ta’ nhar l-Erbgħa waqt li insistiet li ma kellha l-ebda indikazzjoni li l-azzjoni setgħet twettqet mill-Iżraeljani.

Sadanittant, mhux eskluż li l-attakk f’Kerman seta’ kien ippjanat mis-separatisti Għarab fl-Iran, inkella mill-gruppi tal-ġiħadisti tas-Sunni li jinkludu l-ISIS. Fil-fatt, l–ISIS ilu s-snin iwettaq l-attakki fuq iċ-ċivili u l-qawwiet tas-sigurtà fl-Iran.

Il-Ministru Iranjan għall-Intern, Ahmad Vahid, qal li l-awtoritajiet tal-pajjiż, bħalissa, għaddejjin bl-investigazzjonijiet intensivi biex jiddeterminaw il-persuni ‘u gruppi’ wara l-attakk.