Lokali

“Robert Abela qed ikompli jaħkem lill-Avukat tal-Istat” – PN

Robert Abela qed ikompli juri kemm ma jridx li jġib lura l-€400 miljun li huma taw għalxejn lil Vitals u Steward.

Dan sostnewh fi stqarrija il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kif ukoll Adrian Delia, il-Kelliem għat-Trasport, il-Mobbiltà u l-Proġetti Kapitali.

L-istqarrija tal-Gvern turi kemm Robert Abela hu mitluf biss biex jgħatti xturu u ma jġibx lura l-€400 miljun li seraq minn ħalq il-poplu. Mhux talli hekk, talli b’għemilu qed jattakka lill-Partit Nazzjonalista talli ġab lura l-isptarijiet Karin Grech, San Luqa u dak Ġenerali ta’ Għawdex.

Kulħadd hu konxju li kien il-Partit Nazzjonalista li ssielet biex dawn l-isptarijiet jiġu lura għand il-Maltin u l-Għawdxin u li, dak li llum qed isostni l-Gvern, ikompli jikkonferma li Robert Abela qed jirrepeti l-istess żball li minflok qed ifittex l-interess tal-Maltin, qed ifittex l-interess ta’ min wettaq frodi.

Il-Partit Nazzjonalista se jissokta bil-ħidma tiegħu biex il-poplu jieħu l-€400 miljun lura.

Robert Abela ma jridx u ma ħa l-ebda azzjoni biex jinġiebu flusna, anzi waqqaf lill-Avukat tal-Istat milli jagħmel xogħlu. Dan wara li fl-aħħar 10 xhur minn meta żewġ sentenzi tal-Qorti ddikjaraw li d-deals ma’ Vitals u Steward kienu frawdolenti, bil-Gvern ukoll jinstab ħati li kien kompliċi, Robert Abela għadu ma għamel xejn biex jinġiebu lura flus il-poplu u li qatt ma kienu investiti fil-poplu.