Futbol Sport

Ħamrun u Floriana jisfidaw lil xulxin fl-akbar logħba tal-istaġun

(Ritratt: Joseph Galea)

Rowen Camilleri

Wara l-waqfa għal festi, għada s-Sibt jirritorna l-Kampjonat BOV Premier bil-kbir fejn l-ewwel logħba tas-sena tkun l-aktar waħda mistennija tal-istaġun, dik bejn il-leaders Floriana u l-eqreb rivali, iċ-champions renjanti Ħamrun Spartans. Wara din it-12-il ġurnata, il-kampjonat jerġa’ jieħu pawża ta’ ġimgħa hekk kif il-ġimgħa d-dieħla jintlagħab ir-round ta’ 32 tal-IZIBET FA Trophy.

Ħamrun Spartans vs Floriana | Is-Sibt, fis-2pm fl-Istadium Nazzjonali

Stennija kbira għal dan il-konfront bejn possibilment l-isfidanti ewlenin għar-rebħ tal-kampjonat dan l-istaġun, Ħamrun Spartans u Floriana. Bħalissa tliet punti qed jifirdu lil dawn iż-żewġ timijiet, bi Floriana fil-quċċata b’29 punt u bla telfa minn 11-il partita, filwaqt li Ħamrun għandhom 26 u b’telfa waħda biss kontra Birkirkara.  Hekk kif is-suq ta’ trasferimenti issa huwa miftuħ, Ħamrun mistennija jżidu l-inforzi tagħhom hekk kif l-amministrazzjoni jidher li qed taħdem minn tal-inqas fuq attakkant barrani ġdid. Min-naħa l-oħra Floriana diġa’ preżentaw akkwist ġdid, Willis Furtado, winger ta’ 26 sena mill-Cape Verde.  Bla dubju li rebħa għal Floriana, għalkemm għadu kmieni, tkun ta’ stimolu qawwi għal Greens li jkunu fetħu 6 punti vantaġġ fuq Ħamrun filwaqt li jekk ikunu l-Ispartans li jirbħu dan il-konfront ikomplu jagħmlu dan il-kampjonat aktar interessanti u missielet bl-aħħar darba li dawn iż-żewġ timijiet kienu f’pożizzjoni simili kien fl-istaġun 1992/93, bil-Furjaniżi jispiċċaw jirbħu dak il-kampjonat b’5 punti vantaġġ fuq Ħamrun li spiċċaw fit-tieni post ma’ Valletta. Floriana fl-aħħar partita kontra Marsaxlokk kisbu rebħa drammatika 5 minuti fuq il-ħin regolamentari b’gowl ta’ Kemar Reid, gowl li kien importanti ħafna bi preparazzjoni għal dan il-konfront filwaqt li Ħamrun rebħu 3-1 kontra Santa Lucia.

Gowl ta’ Matthew Guillaumier ta rebħa ta’ 1-0 lil Ħamrun fl-aħħar konfront bejn dawn it-tnejn l-istaġun li għadda.

Gżira United vs Santa Lucia | Is-Sibt, fil-5pm fl-Istadium Nazzjonali

Konfront bejn żewġ timijiet min-naħa t’isfel tal-klassifika, bi Gżira  jinsabu fid-disa’ post bi 11-il punt filwaqt li Santa Licia fiż-żona l-ħamra b’6 punti daqs Sirens u Gudja United. Staġun diffiċli għal Gżira li ġejjin minn tliet telfiet konsekuttivi bl-aħħar waħda kontra Birkirkara jkunu sfortunati li sofrew gowl fil-95 minuta. Għal din il-partita Darren Abdilla se jkun mingħajr l-attakkant Macula li jinsab sospiż. Santa Lucia ġejjin minn żewġ logħbiet diffiċli kontra Marsaxlokk u Ħamrun rispettivament li fi tnejn li huma spiċċaw fuq in-naħa telliefa biex bħalma kienu dejjem s’issa f’dan il-kampjonat, baqgħu fl-aħħar pożizzjonijiet u jiġġieldu kontra r-relegazzjoni, xi ħaġa li ilhom jifrankaw bi żbrixx għal dawn l-aħħar ħames staġuni.  Wieħed irid jara jekk kemm Santa Lucia se jkunu qed jissaħħu fis-suq tat-trasefrimenti fejn diġa’ jinsabu f’negozjati avvanzati għall-akkwisti ta’ diversi plejers, fosthom l-eks Marsaxlokk Santiago Moracci u l-internazzjonali Malti Daniel Letherby. Barra minnhekk huma akkwistaw lill-eks goalkeeper ta’ Valletta Cain Formosa kif ukoll lill-attakkant mis-Serbja Aleksa Mrdja. Għal din il-partita Zinnari se jkollu nieqes lil Patrick De Oliveira li jinsab sospiż. Gżira rebħu l-aħħar konfront kontra Santa Lucia b’gowl waħdieni ta’ Steve Pisani, li inċidentalment illum jilgħab mas-Saints.

Sliema Wanderers vs Gudja United | Il-Ħadd, fil-11am fis-Centenary Stadium

Wieħed mill-aktar timijiet fil-forma, Sliema Wanderers bla dubju li se jkun qed ifittex li jibda s-sena l-ġdida kif għalaq dik preċedenti u jilħaq l-aspettativi b’rebħa fuq Gudja United sabiex iżomm postu mal-ewwel tlieta. Fuq il-karta Sliema huma favoriti iżda Gudja waqt il-waqfa tal-festi kellhom bidla fit-tmexxija teknika fejn wara li ġiet fi tmiemha l-esperjenza ta’ Jesmond Zammit, huma ħatru lil Renzo Kerr Cumbo biex imexxi l-iskwadra sal-aħħar tal-istaġun. Bħalissa Gudja jinsabu f’ħidma biex isaħħu l-iskwadra fejn s’issa li hu żgur hu li laħqu ftehim ma’ Yaren Sozer, Matteo Cassini u Santiago Angulo biex jinħallu mill-kuntratti tagħhom. Sliema jinsabu fit-tielet post bi 22 punt filwaqt li Gudja huwa wieħed mit-timijiet li jinasbu fl-aħħar post tal-klassifika b’6 punti.

L-aħħar li ltaqgħu kontra xulxin dawn iż-żewġ timijiet kien fl-istaġun 2021/22 b’Gudja kienu ħarġu rebbieħa 1-0.

Marsaxlokk vs Hibernians | Il-Ħadd, fis-2pm fit-Tony Bezzina Stadium

Konfront ieħor interessanti  fi tmiem din il-ġimgħa huwa dak t’għada bejn Marsaxlokk u Hibernians, konfront bejn żewġ timijiet li jinsabu fl-ewwel nofs tal-klassifika. Marsaxlokk fl-aħħar konfront kienu sfortunati li ħarġu b’idejhom vojta kontra l-leaders Floriana meta sofrew gowl fl-aħħar sekondi tal-partita u jeħtieġ li din it-telfa ma taffetwhomx mentalment hekk kif quddiemhom għandhom avversarju li għalkemm ma jinsabx fl-aħjar forma tiegħu, xorta waħda huwa wieħed diffiċli u li jista’ jissorprendi fil-ġurnata. Filwaqt li rrilaxxaw lil Johann Bezzina u lil Armen Hovhannisyan, it-tim minn Raħal Ġdid ippreżentaw akkwist ġdid, dak tad-difensur laterali mill-Kosta tal-Ivorju Mamadou Bagayoko u mhux eskluż li jakkwsitaw plejers oħra f’dan is-suq ta’ trasferimenti. Bejn il-lasti għal dan ix-xahar li ġej Branko Nisevic se jkun mingħajr il-goalkeeper Ibrahim Kone li kien imsejjaħ mal-iskwadra tal-Guinea għat-Tazza tal-Afrika bil-goalkepper Jonathan Debono jew l-akkwist il-ġdid l-ieħor tat-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena Hugo Sacco se jkunu qed jiddefendu l-lasti f’dan il-perjodu.

Marsaxlokk għelbu lil Hibernians 3-1 l-aħħar darba li ltaqgħu magħhom f’Marzu li għadda.

Mosta vs Balzan | Il-Ħadd, fl-4:15pm fit-Tony Bezzina Stadium

Żewġ timijiet li qed jiddiżappuntaw bi kbir dan l-istaġun bla dubju huma Mosta u Balzan li l-istaġun li għadda spiċċaw fl-ewwel ħames postijiet tal-klassifika iżda dan l-istaġun qed ibagħtu biex isibu l-konsistenza, tant li t-tnejn li huma jinsabu fit-tieni nofs tal-klassifika. Mosta u Balzan fl-aħħar ħarġa tagħhom it-tnejn spiċċaw fi draw ta’ mingħajr gowls kontra Hibernians u Valletta rispettivament wara li t-tnejn li huma kienu ġejjin minn telfa fil-konfront ta’ qabel. F’tentattiv li jdawru l-affarijiet għall-aħjar Mosta diġa’ kienu attivi fis-suq tat-traferimenti fejn iffirmaw lill-midfielder Niġerjan ta’ 22 sena Maximilian Ugochukwu Ihekuna, l-eks plejer tat-tim nazzjonal ta’ taħt l-20 sena tal-Burkina Faso, Ben Aziz Dao u mistennija jħabbru l-akkwist tal-eks Pietà u Hibernians Armen Hovhannisyan. Balzan diġa’ għandhom skwadra b’saħħitha iżda li għal xi rtaġuni mhix tiffunzjona u s’issa għadu ma ssemma l-ebda akkwist ġdid għal Jannar, pero li hu żgur hu li dan it-tim irid jibda jilħaq l-aspettativi tiegħu jekk ma jridx jissogra relegazzjoni sorpriża hekk kif jinsab tliet punti biss bogħod miż-żona l-ħamra. Mosta se jkollhom sospiż lid-difensur mill-Kolumbja Gustavo Charà. Fl-aħħar konfront l-istaġun li għadda kienu Balzan li ħarġu rebbieħa 3-2.

Sirens vs Birkirkara | Il-Ħadd, fis-2pm fl-Istadium Nazzjonali

Qabel il-festi Sirens kisbu l-ewwel rebħa tal-istaġun kontra Gudja, rebħa li tagħti tamiet ġodda lill-iskwadra mmexxija minn Steve D’Amato li issa jittamaw li jkomplu jibnu fuq din il-wirja forsi jinqalgħu mill-aħħar postijiet tal-klassifika. L-avversarji ta’ din il-ġimgħa, Birkirkara ġejjin minn rebħa drammatika ta’ 3-2 fl-aħħar sekondi kontra Gżira, rebħa li kienet importanti għal moral tat-tim wara t-telfa ta’ 4-0 fis-Super Cup kontra Ħamrun u d-draw ta’ 1-1 kontra Gudja. Fl-aħħar jiem l-istripes irrilaxxaw lil Jovan Pajovic u Daniele Mariani u jista’ jkun li jkunu qed jiffirmaw plejers ġodda filwaqt li jidher li s’issa se jkunu qed jagħtu l-fiduċja lil Brian Chetcuti biex ikompli jmexxi minn fuq il-bank. Rebħa għal Birkirkara tista’ tfisser li jitilgħu fir-raba’ post jekk Marsaxlokk, li jinsabu fuqhom żewġ punti, jonqsu milli jirbħu. L-aħħar li ltaqgħu dawn iż-żewġ timijiet kienu Sirens li ħarġu rebbieħa 1-0.

Valletta vs Naxxar Lions | Il-Ħadd, fl-4:15pm fl-Istadium Nazzjonali

L-aħħar logħba tal-Ħadd fl-Istadium Nazzjonali se tkun dik bejn Valletta u Naxxar Lions, żewġ timijiet li spiċċaw is-sena fuq nota negattiva bil-Beltin jiġu draw ta’ mingħajr gowls kontra Balzan u s-sitt logħba mingħajr rebħa, filwaqt li Naxxar sofrew telfa iebsa ta’ 4-1 kontra Sliema Wanderers. Bla dubju li l-aktar li għandhom bżonn it-tliet punti minn dan il-konfront huma Valletta li jinsabu bl-istess punti daqs Gżira u Mosta f’wieħed mill-postijiet tar-relegazzjoni. Naxxar mill-banda l-oħra għandhom bżonn jinsew l-aħħar logħba tas-sena u jerġgħu isibu l-forma li kellhom biex meta jibda t-tieni round ikunu f’pożizzjoni b’saħħitha biex jilħqu t-tragward li jżommu posthom mal-kbar tal-futbol Malti. Il-Lions ħabbru li rritorna magħhom l-attakkant Kolumbjan Robinson Blandon.  Fl-aħħar siegħat jidher li ntlaħaq ftehim biex l-imprenditur Brittanniku Stephen Vaughan ikun co-opted fil-kumitat Belti, u eventwalment jibda jmexxi lil dan il-klabb fejn wieħed issa jrid jara x’se jkun qed jinbidel fil-klabb u jekk Valletta hux se jkunu attivi fis-suq ta’ trasferimenti biex isaħħu l-iskwadra bit-tama li jitilgħu ‘il fuq kemm jista’ jkun fil-klassifika.

Valletta lagħbu l-aħħar kontra Naxxar fl-istaġun 2017/18 fejn kienu rebħu 1-0 b’gowl ta’ Santiago Malano.