Internazzjonali

Il-Ġermanja: Imutu qalb in-nirien fi sptar viċin Ħamburg

Mietu talanqas erba’ persuni fost in-nirien li qabdu fi sptar viċin il-belt ta’ Ħamburg, fin-naħa ta’ fuq tal-Ġermanja. Il-vittmi kienu kollha pazjenti u meta  n-nirien, li qabdu tard fil-lejl tal-Ħamis, ħakmu t-tielet sular tal-Klinika ta’ Helios, fil-belt ta’ Uelzen.

L-aħħar rapporti qalu li madwar 20 oħra spiċċaw midruba fin-nirien, u bl-awtoritajiet u l-pulizija f’Uelzen ma jeskludux li ċ-ċifra tal-mejtin kapaċi tiżdied minħabba li wħud fost il-feruti kienu jinsabu f’kundizzjoni gravi għall-aħħar.

L-istess awtoritajiet qed jinvestigaw il-kawża tan-nirien li kienu kontrollati sigħat wara. Dan ukoll wara li xi 140 membru tal-iskwadri għat-tifi tan-nirien, flimkien mal-ħaddiema għas-salvataġġ, stinkaw qatigħ biex isalvaw il-pazjenti – b’numru ta’ nies jinżlu mill-ogħla sulari tal-isptar permezz tas-slielem.

Il-Klinika ta’ Helios tifforma parti mill-Iskola Medika ta’ Ħannover filwaqt li sservi bħala ċentru tat-tagħlim għal kulmin irid iservi fil-qasam mediku. Hu kalkulat, intant, li n-nirien fit-tielet sular tal-kumpless ikkaġunaw ħsarat ekwivalenti għal aktar minn miljun ewro.