Jgħidu li hemm 6 applikazzjonijiet oħrajn fil-buffer zone tat-tempji
Il-Kunsill Reġjonali għal Għawdex, magħmul mill- Kunsill Lokali Għawdxin kollha qed jappellaw formalment lill-Awtorità tal-Ippjanar sabiex ma jsirx il-bini biswit it-tempji Megalitiċi tal-Ġgantija.
F’ittra ntqal li din l-applikazzjoni għal dan l-iżvilupp fil-buffer zone tal-Ġgantija qed tmur kompletament kontra l-linji gwida u l-istruzzjonijiet li l-UNESCO talbu lill-Istat Malti bil-konsegwenza li dan is-sit ta’ patrimonju dinji spiċċa taħt theddida.
Dan filwaqt li l-Kunsilli nnotaw li dan mhux każ iżolat iżda hemm 6 applikazzjonijiet oħra ta’ żvilupp fl-istess buffer zone, u preċiżaw jgħidu li l-awtoritajiet injoraw għal kollox l-appelli tal-UNESCO sabiex isir cumulative impact assessment tal-area….dan għaliex minkejja kollox…ma sar xejn.
Għaldaqstant il-Kunsill Reġjonali għal Għawdex appella sabiex dan l-impact assessment isir mill-aktar fis.
Il-kunsilli unanimament qablu li l-blokka ta’ 22 appartament se tkun qed taffettwa z-zona fin-negattiv u li l-Awtorità tal-Ippjanar kellha jkollha l-buonsens li dan tirrealizzah waħedha.
Dan filwaqt li insistnew li s-Sovrintendenza għall-Wirt Kulturali hija fost oħrajn obbligata biex teżerċizzja s-sorveljanza u tiggarantixxi protezzjoni lil dan il-wirt storiku. Dan ifisser li huwa dmir u obbligu li s-Sovrintendenza toffri pariri u tikkoordina mal-Awtorità tal-Ippjanar bl-għan li dan il-wirt ma jkun qatt mhedded minn żvilupp jew ieħor.
Għad –dispjaċir tal-Kunsill Reġjonali kollox qed jindika li s-Sovrintendenza tat il-barka tagħha mingħajr ma sar assessjar bil-konsegwenza li mhux biss qiegħdet f’periklu s-sit megalitiku iżda l-istatus tal-pajjiż.
Finalment huma appellaw sabiex l-istorja u l-wirt kulturali ta’ pajjiżna verament jiġu mħarsa…u mill-kliem jimxu għall-fatti.
//= $special ?>