Il-Gvern ta’ Abela, reġa’ għal darb’oħra wettaq u-turn.
Dan wara li l-Ġimgħa filgħodu, mistoqsi mill-ġurnalisti, il-Ministru Jo-Etienne Abela sostna li l-Gvern se jkun qiegħed jintroduċi korsijiet mandatorji tal-lingwa Maltija lil carers barranin li jaħdmu f’residenzi tal-anzjani.
Din hija u-turn totali minn naħa tal-Gvern tal-Labour wara li fix-xhur li għaddew kien il-Partit Nazzjonalista li ppropona tali pass għal ġid u l-benesseri tar-residenti.
Iżda l-ewwel reazzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela kienet li jattakka lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech hekk kif f’attività politika kien insista li Bernard Grech kien qiegħed jiprova jbeżża’ lill-barranin li jekk ma jitgħalmux il-Malti kienu se jkeċċuhom ‘il barra.
Madanakollu issa l-Ministru Jo-Etienne Abela sostna ċar u tond mal-ġurnalisti li effettivament dawn il-ħaddiema se jkollhom jitgħallmu Malti bażiku biex jakkwistaw skill cards apposta – skill card li fihom jinkludu Ingliż u Malti bażiku.
Huwa insista li din se tkun riflessjoni li l-maġġoranza tal-poplu jidher li qed jaqbel dwarha – bil-miżuri mistennija jiġu implimentati fix-xhur li ġejjin.
Għaldaqstant tali stqarrija tmeri għal kollox id-diskors li kien qal madwar xahrejn ilu l-Mexxej tal-Labour Robert Abela – b’u-turn oħra miżjuda mal-lista li tibqa’ turi kemm f’diversi temi u sfidi li qed jaffaċċja pajjiżna l-Partit Nazzjonalista qiegħed ikollu raġun.
Fatt li saħansitra qiegħed juri li l-Ministri ta’ Abela aktar donnhom qed jaqblu mal-proposti tal-Partit Nazzjonalista milli ma dak li qed jimbotta Robert Abela nnifsu.