Illum it-tim nazzjonali Malti tal-waterpolo jkun fl-azzjoni bl-ewwel impenn minn Grupp Ċ fil-Kampjonat Ewropew kontra l-Ġermanja. Din hi l-ħames edizzjoni konsekuttiva li Malta tinsab fil-fażi finali, appuntament li ilu jinżamm kull sentejn mill-edizzjoni tal-2016.
Dakinhar f’Belgrad, Malta kisbet il-15-il post wara li fl-għoti tal-penalties kienet waslet rebħa kontra t-Turkija. Fiż-żewġ edizzjonijiet ta’ wara jiġifieri f’Barcelona u Budapest Malta kklassifikat fis-16-il post sakemm fl-aħħar edizzjoni fi Split waslet l-ewwel rebħa fil-ħin regolamentari u l-14-il post li sa issa hu l-aqwa riżultat miksub.
Mill-aħħar edizzjoni, it-tmexxija teknika għaddiet f’idejn il-kowċ Milan Cirovic li ħa post Karl Izzo wara li dan tal-aħħar inħatar bħala President tal-ASA minflok Joe Caruana Curran – il-persuna li kien wieħed mill-imħuħ ewlenin wara dan il-progress konsistenti tal-waterpolo f’pajjiżna.
Izzo ilu f’dan l-irwol il-ġdid għal ftit ġimgħat iktar minn sena madankollu l-mira tiegħu baqgħet l-istess. “Il-mira hi pożizzjoni aħjar mill-14-il post tal-aħħar edizzjoni jiġifieri nippruvaw għal bejn il-11 u t-13-il post. Se nkunu b’tim żagħżugħ li għandu età medja ta’ 20 sena,” qal il-President tal-ASA f’kumment ma’ dan is-sit.
“Li qed nara u tkellimt mal-kowċ nazzjonali li m’hemmx leaders fl-ilma biex imexxi lit-tim f’mumenti diffiċli imma dan hu proġett li bdejna bih, plejers żgħażagħ għal dan it-tournament, għal sentejn u erba’ snin oħra, juri li qed naħdmu fuq il-bażi taż-żgħażagħ u konvint li l-futur tal-waterpolo speċjalment fejn jidħol in-nazzjonal se jkun sabiħ,” kompla Izzo.
Għal din l-edizzjoni, it-tim nazzjonali Malti għadu ġej minn tournament ta’ preparazzjoni f’pajjiżna kontra nazzjonijiet li jinsabu proprju fil-Kampjonat Ewropew. Malta sfat megħluba 23-6 mill-Italja, 15-11 minn Franza u 22-7 mill-Olanda. Izzo ddeskriva l-logħba kontra t-Taljani bħala prestazzjoni medjokri, il-logħba kontra Franza bħala waħda mill-aqwa prestazzjonijiet tat-tim Malti u t-telfa kontra l-Olanda bħala waħda mill-agħar prestazzjonijiet.
L-għażla tal-kowċ nazzjonali Milan Cirovic
L-għażla finali ta’ Cirovic hi dominata minn għażliet partikolari li ma jimxux ma’ dak li seħħ fl-aħħar erba’ edizzjonijiet. Mill-iskwadra li ħadet sehem fil-Kampjonat Ewropew tas-sena l-oħra fi Split, hemm biss seba’ plejers minn ħmistax. Dawn huma Jeremy Abela, Nicholas Bugelli, Liam Galea, Sam Gialanze, Jake Tanti, Darren Zammit u Nikolai Zammit.
Skwadra finali
Jake Tanti (San Ġiljan), Benjamin Busuttil (Valletta), Liam Galea (Sliema), Jeremy Abela (San Ġiljan), Darren Zammit (San Ġiljan), Mark Castillo (Neptunes), Matthias Azzopardi (Sirens), Jayden Cutajar (Sliema), Nikolai Zammit (San Ġiljan), Nicholas Bugelli (San Ġiljan), Jake Muscat (Neptunes), Sam Gialanze (Neptunes), Jake Bonavia (San Ġiljan), Gianni Farrugia (Sirens), Jake Cachia (Sirens)
L-impenji ta’ Malta fi Grupp Ċ
Illum: Ġermanja v Malta 7.00pm
Il-Ħadd 7 ta’ Jannar: Malta v Iżrael 5.00pm
It-Tlieta 9 ta’ Jannar: Serbja v Malta 7.00pm
//= $special ?>