Il-Gvern ta’ Robert Abela, attwalment, m’għandu ebda soluzzjoni konkreta għaż-żieda sproporzjonata fil-prezzijiet.
Realtà li qed tkun ta’ sfida kbira għal familji Maltin u Għawdxin li qed jaraw l-ispejjeż tagħhom jiżdiedu minn xirja għall-oħra – bil-konsegwenza li qed ikomplu jwettqu sagrifiċji kbar – bil-middle class titnaqqar għal kollox.
Dan filwaqt li bosta persuni stqarrew ma’ Net News li spiċċa ż-żmien li kien jirnexxielhom ifaddlu flushom u minflok issa paga għandha xorti sservihom sal-aħħar tax-xahar.
Fid-dawl taż-żieda fl-inflazzjoni u żieda fl-ispejjeż; Net News staqsa lil uħud mill-membri tal-Kabinett ta’ Robert Abela x’soluzzjoni għandu l-Gvern.
Surrealment is-Segretarju Parlamentari, Alison Zerafa Civelli qalet li l-miżuri mħabbra fl-aħħar budget qed jgħin biex il-Maltin u l-Għawdxin jgħixu ħajja komda….dan wara li staqsejniha għalfejn il-Gvern ma jridx ineħħi t-taxxa minn fuq l-għajnuna tal-COLA.
F’Malta l-paga medja hija ta’ ftit aktar minn €22,000 fis-sena – ammont li skont iċ-ċifri maħruġa mill-Fondazzjoni għal Akkomodazzjoni Affordabbli mhux biżżejjed biex bank isellef il-flus għal persuna single…biex tixtri post.
Iżda mhux hekk biss – dan hekk kif meta l-paga medja kienet effettivament ikkumparata ma’ pajjiżi Ewropej oħrajn sibna li hija ferm inqas mill-medja ta’ €45,000 fis-sena fl-Irlanda, €39,000 fi Franza, €52,000 fl-Awstrija, €49,000 fil-Ġermanja u 33,000 fil-Portugal, u €27,000 fl-Italja…bil-lista tibqa’ sejjer.
Dan filwaqt li l-Ġimgħa filgħodu Net News staqsa wkoll lill-Ministru Jo-Etienne Abela…bil-Ministru jisħaq li jkun qed jigdeb jekk jgħid li l-miżuri tal-budget solvew il-problema tal-għoli tal-ħajja.
Għaldaqstant f’dan l-istadju kollox qed jindika li l-Gvern m’għandu ebda soluzzjoni kif hu b’mod fattwali se jkun qed irażżan din l-isfida.
//= $special ?>