Internazzjonali

Imut David Soul….’il-bjond’ fis-sensiela televiżiva Starsky and Hutch u li kiseb ukoll suċċess bħala kantant prolifiku

Ftit tal-ħin ilu tħabbret il-mewt ta’ David Soul,  il-kantant u attur Amerikan li kiseb wieħed mill-akbar suċċessi fl-istorja tat-televiżjoni bħala s-sieħeb ta’ Paul Michael Glaser fis-sensiela popolari tas-snin sebgħin Starsky and Hutch. Hu miet fl-età ta’ 80 sena u wara li saħħtu kienet ilha sejra lura għal xhur.

Starsky, li kien ukoll ta’nisel Ingliż, se jibqa’ magħruf ma’ ġenerazzjonijiet ta’ telespettaturi bħala d-detektiv bl-isem Ken ‘Hutch’ Hutchinson – b’Paul Michael Glaser (fil-parti ta’ David Starsky) ukoll jagħti kontribut kbir lis-sensiela bħala parti mid-duo formidabbli li kienu fost l-aktar ismijiet rinomati fid-dinja tas-showbusiness.

Is-sensiela Starsky and Hutch kienet l-aktar popolari bejn l-1975 u l-1979, bil-protagonisti – Soul u Glaser – ikomplu jiksbu suċċessi fil-karrieri rispettivi anki għal ħafna snin wara.

Intant, David Soul – li għex għal ħafna snin fl-Ingilterra —  kiseb suċċess kbir ukoll bħala kantant, bil-kanzunetta tiegħu Don’t Give Up on Us tilħaq l-ewwel post fil-klassifika tal-hits fir-Renju Unit – u fejn baqgħet tokkupa din il-pożizzjoni għal erba’ ġimgħat bejn Jannar u Frar tal-1977.

Hu kellu anki ‘hits’ oħrajn bil-kanzunetti Going in With My Eyes Open – il-follow up għal Don’t Give Up on Us –  u Silver Lady; kanzunetta oħra li kisbitlu l-ewwel post fiċ-charts Britanniċi; bis-sena 1977 tkun waħda ta’ trijonf kontinwu għal David Soul.