Lokali

“Is-silenzju tal-Labour jitkellem waħdu”

Tkompli tikber il-kritika lejn it-tmexxija Laburista, din id-darba lejn in-nuqqas ta’ informazzjoni li l-Prim Ministru, il-Ministri u s-Segretarji Parlamentari Laburisti suppost kellhom jagħtu f’mijiet ta’ mistoqsijiet parlamentari li sarulhom.

Fl-aħħar ġimgħat ħareġ kif il-Prim Ministru Robert Abela, il-Ministri u s-Segretarji Parlamentari ma weġbux 750 mistoqsija parlamentari magħmulha lilhom fil-Parlament mill-aħħar elezzjoni ġenerali.

Jirriżulta li l-aktar ministru li ma weġibx mistoqsijiet hu l-Ministru tal-Edukazzjoni Clifton Grima, b’173 mistoqsija mhux imwieġba, isegwih hemm il-Ministru tat-Turiżmu Clayton Bartolo li ma weġibx 77 mistoqsija parlamentari.

Dan filwaqt li l-Ministri Anton Refalo u Aaron Farrugia ma weġbux 67 mistoqsija parlamentari kull wieħed.

Skont il-proċedura, il-membri għandhom tlett ijiem ċans biex iwieġbu għall-mistoqsijiet li jsirulhom fil-Parlament, b’ħafna minnhom jirritornaw lura tlett ijiem wara u jgħidu li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u se tingħata fil-jiem ta’ wara. Liema informazzjoni tispiċċa qatt ma tingħata.

L-Editorjal tat-Times of Malta ħareġ jikkritika dan in-nuqqas tal-membri Laburisti, u anke tal-Ispeaker tal-Kamra, Anglu Farrugia li suppost jassigura li dawn il-mistoqsijiet jiġu mwieġba.

Għalkemm, il-ħtija kollha ma jitfagħhix fuq Anglu Farrugia hekk kif l-Editur jgħid li mhix wisq faċli meta wieħed jikkonsidra li l-Gvern Laburista kemm-il darba għażel li jaħbi ċertu informazzjoni.

Fil-fatt, ġie nnotat kif il-membri Laburisti mhux l-ewwel darba li għażlu x’iwieġbu u oħrajn li jagħtuhom il-ġenb, minkejja li jkunu mistoqsijiet direttament dwar id-dekasteru tagħhom.

Bl-editur jgħalaq billi jgħid li l-iktar żewġ affarijiet importanti għal governanza tajba, jiġifieri t-trasparenza u r-responsabbiltà politika, qatt ma ngħataw wisq importanza mill-Gvern ta’ Robert Abela.