Lokali

“Issa anki l-Ministri Laburisti qed jaqblu ma’ Bernard Grech u mhux ma’ Robert Abela” – PN

Il-Gvern ta’ Robert Abela skont Robert Abela stess qed ikun popolist

Fi stqarrija il-Partit Nazzjonalista qal li, llum il-Gvern ħabbar kif il-carers fid-Djar tal-Anzjani se jkollhom jitgħallmu l-Malti biex jikkomunikaw aħjar mal-anzjani tagħna. Meta xahrejn ilu qal din il-proposta l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, skont Robert Abela, kienet proposta ħażina u li tbeżża’. Illum Ministru tal-Gvern ta’ Abela ħabbar din l-istess proposta u qal kemm hi tajba u essenzjali.

Allura, jew il-Ministru Joe Etienne Abela daħħal din il-proposta minn wara dahar Robert Abela li allura hija prova oħra ta’ kemm Robert Abela tilef il-kontroll fuq il-Gvern tiegħu jew inkella għandna konferma oħra li għandna Gvern partiġġjan li meta jgħid xi ħaġa l-Partit Nazzjonalista jgħid li hi ħażina anke meta fil-verità jkun jaqbel magħha.

Deċiżjoni bħal din turi kif anki l-Ministri Laburisti qed jaqblu aktar mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, milli mal-mexxej tagħhom, Robert Abela.