Sport Waterpolo

It-tielet sessjoni xxaqleb il-miżien favur il-Ġermaniżi fl-ewwel impenn ta’ Malta waqt il-Kampjonat Ewropew

ĠERMANJA…………….. 18

MALTA…………………….. 13

(6-5), (3-4), (6-2), (3-2)

It-tielet sessjoni kienet kruċjali biex xeqilbet il-miżien favur il-Ġermaniżi fl-ewwel impenn minn Grupp Ċ għat-tim nazzjonali Malti. Fl-ewwel parti tal-logħba, it-tim Malti kien qed jilgħab daqs l-avversarji madankollu fit-tielet sessjoni bi ftit nuqqasijiet ta’ attenzjoni, il-Ġermaniżi ħadu l-opportunità biex jieħdu l-kontroll tal-logħba.

Dan kien ir-raba’ konfront kontra l-Ġermanja fl-aħħar 16-il xahar. F’Settembru tal-2022 proprju fl-aħħar Kampjonat Ewropew, il-Ġermanja kienet ħarġet rebbieħa 14-11. F’Mejju tas-sena l-oħra l-Ġermanja rebħet 15-5 f’logħba minn Diviżjoni B tat-Tazza tad-Dinja filwaqt li l-Ġermaniżi ħarġu rebbieħa wkoll 15-10 f’Ġunju li għadda waqt il-fażi ta’ kwalifikazzjoni li saru f’pajjiżna f’Ġunju li għadda.

Din kienet l-ewwel logħba għal diversi plejers fit-tim Malti waqt il-Kampjonat Ewropew, l-istess kif kien id-debutt għal Milan Cirovic bħala kowċ ta’ Malta f’din il-kompetizzjoni. Liam Galea kien fost il-plejers li spikka fejn mhux biss kien effettiv fis-centre iżda wkoll kien abbli waqt mumenti fid-difiża. Fuq in-naħa l-oħra, Yannek Chiru kien l-aktar plejer li għamel ħsara għat-tim Ġermaniż.

Il-logħba bdiet b’sessjoni movimentata biż-żewġ timijiet bdew ikunu tajjeb fl-attakk iżda anqas kompatti fid-difiża. It-tim Malti mar l-ewwel darba minn fuq permezz ta’ Nikolai Zammit li għamilhom 3-2 wara li ħasad lil Felix Benke. Il-Ġermaniżi reġgħu marru minn fuq b’żewġ minuti u nofs għal tmiem is-sessjoni permezz ta’ Yannek Chiru. Nikolai Zammit reġa’ ġab id-draw sakemm Fynn Schutze poġġa lit-tim Ġermaniż 6-5 fil-vantaġġ.

Fit-tieni sessjoni, il-Ġermanja marret żewġ gowls vantaġġ permezz ta’ Zoran Bozic. Reazzjoni mit-tim Malti li f’azzjoni ta’ superjorità numerika, il-kowċ Milan Cirovic sejjaħ time-out. Mill-istess azzjoni Liam Galea naqqas id-distakk u għalkemm Yannek Chiru għamilhom 8-6, Mark Castillo u Jake Muscat ġabu d-draw. Fynn Schutze żamm lill-Ġermaniżi minn fuq iżda reġa’ kien Galea li ġab għamilhom 9-9 bi ġmiel ta’ backhand.

Il-Ġermaniżi ħadu l-kontroll tal-logħba fit-tielet sessjoni u wara li Jake Muscat wieġeb għall-gowl ta’ Niclas Schipper, fetħu distakk ta’ ħames gowls għal 15-10. Jake Muscat naqqas id-distakk fl-aħħar minuta minn man-up u Jake Cachia falla okkażjoni tajba fl-aħħar azzjoni tas-sessjoni.

Distakk ta’ 15-11 għamilha diffiċli għat-tim Malti biex iwettaq rimonta fl-aħħar sessjoni. Il-Ġermanja kompliet tikkontrolla l-logħba u ma ppermettiex li l-vantaġġ jinżel għal anqas minn tliet gowls, b’Chiru saħansitra jrebbaħ l-aħħar sessjoni b’gowl minn kontrattakk.

It-tieni impenn ta’ Malta fil-grupp ikun il-Ħadd fil-5.00pm kontra l-Iżrael, tim li fl-ewwel ħarġa tiegħu tilef 22-1 kontra s-Serbja.

Ġermanja: F. Benke, Z. Bozic (4), F. Korbel (1), M. Dyck, F. Schutze (3), P. Dolff, D. Strelezkij (2), Y. Chiru (5), A. Sekulic (1), L. Kuppers, N. Schipper (2), M. Gansen, M. Vernet Schweimer

Malta: J. Tanti, N. Bugelli, L. Galea (4), M. Castillo (1), S. Gialanze (1), J. Cachia, J. Muscat (4), J. Cutajar (1), J. Abela, N. Zammit (2), D. Zammit, M. Azzopardi, B. Busuttil

Referees: S. Matijasevic (Montenegro), R. Evers (Olanda)