Lokali

L-inflazzjoni f’Malta tibqa’ ogħla minn taz-Zona Ewro

Rapport ippublikat mill-Eurostat juri kif ir-rata tal-inflazzjoni f’pajjiżna baqgħet ogħla minn taz-Zona Ewro matul ix-xahar ta’ Diċembru.

Iċ-ċifri tal-Eurostat juru li r-rata tal-inflazzjoni f’pajjiżna matul ix-xahar ta’ Diċembru kienet 3.6% dan meta fiz-zona ewro r-rata medja tinsab fil-livell ta’ 2.9%.

Apparti minn hekk, l-istatistika turi wkoll kif f’pajjiżi oħra fl-Ewropa għandhom rata ta’ inflazzjoni li hi ferm aħjar minn ta’ pajjiżna fosthom l-Italja, Belġju, Irlanda, Spanja, Ċipru, Latvja, Lussemburgu, l-Olanda u l-Portugall. Fatt illi juri kemm il-familji Maltin u Għawdxin spiċċaw iġorru piż enormi kaġun taż-żieda fil-prezzijiet ġimgħa wara l-oħra. F’Diċembru, l-akbar impatt fuq l-inflazzjoni annwali ġie mill-Indiċi tal-ikel u x-xorb alkoħoliku.

Matul dawn l-aħħar xhur il-pjaga tal-għoli tal-ħajja ripetutament iddominat l-aħbarijiet dan hekk kif eluf ta’ persuni mhux qed ilaħħqu sal-aħħar tax-xahar. Dan apparti li fl-aħħar ġimgħat kien hawn żidiet ġodda f’diversi prodotti uħud minnhom essenzjali.