Internazzjonali

L-Istati Uniti: Ma jiżvelawx l-iskop wara l-isparatura fl-iskola ta’ Iowa

Il-Pulizija fl-Istat ta’ Iowa qed tinvestiga inċident makabru fi skola għolja fil-belt ta’ Perry…Inċident li fih student fetaħ in-nar fuq l-istudenti l-oħra, bir-riżultat li wieħed minnhom tilef ħajtu u bl-oħrajn jisfaw midruba.

L-inċident seħħ fl-ewwel jum ta’ skola wara l-vaganzi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena, bl-aggressur jispiċċa joqtol lilu nnifsu ftit wara l-isparatura u waqt li kien ċirkundat mill-pulizija li wieġbu minnufih għall-emerġenza.

Il-pulizija, intant, elevat u newtralizzat xi tagħmir splussiv li l-aggressur kien ħalla fi kwartier tal-Perry High School.

Mifhum ukoll li fost il-midruba hemm wieħed mill-amministraturi tal-iskola, bil-pulizija jgħidu li l-qattiel kien student tas-sitt sena.,…Klassi li jattendu l-istudenti ta’ bejn 11 u 12-il sena.

L-ewwel pulizija li wieġbu għar-rapporti ta’ ‘active shooter’ fl-iskola tkellmu, aktar tard, dwar il-kaos u l-arja tat-tensjoni li kienu qed jirrenjaw fl-inħawi.

U meta kellem lill-ġurnalisti, fis-sigħat wara l-isparatura, Mitch Mortvedt, l-Assistent Direttur tad-Diviżjoni ta’ Iowa għall-Investigazzjonijiet Kriminali, qal li l-pulizija ma damux ma sabu lill-aggressur f’xifer il-mewt wara li hu kien spara għalih innifsu.

L-aggressur spiċċa jmut ftit minuti wara, bil-pulizija fis-sit jelevaw senter tat-tip pump action u pistola li ntużaw fl-isparatura

Il-paramediċi li wkoll wieġbu għall-emerġenza, fl-aħħar sigħat, qalu li ħadd fost il-feruti ma jinsab f’periklu tal-mewt. Intant, l-awtoritajiet f’Iowa, sal-bieraħ, kienu qed jippruvaw isibu l-mottiv wara l-isparatura.

Il-Gvernatur ta’ Iowa Kim Reynolds fissret l-isparatura bħala ‘traġedja bla sens’ li ħalliet impatt kbir fuq ir-residenti ta’ Perry u ċ-ċittadini l-oħra tal-Istat.

Fl-aħħar sigħat ukoll, il-membri tal-komunità ta’ Perry kienu qed jorganizzaw il-vejl għall-vittmi f’Wiese Park, kif ukoll f’lokalitajiet oħra prominenti ta’ din il-belt.