Lokali

Miriam Dalli twaqqaf l-impjieg ta’ Steve Ellul minn CEO ta’ Project Green

Kif din is-sit żvelat aktar kmieni din il-ġimgħa, il-kwistjoni dwar il-futur ta’ Steve Ellul bħala Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni ta’ Project Green kompliet tinħema u tiżviluppa u llum hi riżolta billi għal darba oħra għaddiet tal-Eks Ewroparlamentari Laburista Miriam Dalli li rnexxielha tittermina l-impjieg ta’ Steve Ellul minn ma’ Project Green.


Il-fatt li Miriam Dalli tterminat l-impjieg ta’ Steve Ellul qieghed jinżamm sigriet għalissa minn ta’ Kastilja, tant li l-anqas l-impjegati ta’ Project Green stess għadhom ma kenux informati b’dan l-iżvilupp.


Minkejja li Robert Abela qieghed jipprova jżomm sigriet il-fatt li reġgħet għaddiet ta’ Miriam Dalli, l-istess Miriam Dalli qegħda tiftaħar ma’ diversi nies viċin tagħha li kienu fuq ordnijiet stretti tagħha li Steve Ellul tneħħa mill-irwol tiegħu ta’ Ufficjal Ezekuttiv Ewlieni ta’ Project Green.


Miriam Dalli rebħet dan id-dwell fil-konfront ta’ Robert Abela li baqa’ jġebbed il-kwistjoni kemm felaħ sal-punt li anki kien qiegħed jisfida dak li jistipula l-Istatut tal-Partit Laburista li jghid li persuni f’karigi influwenti bħal dawn ma jistgħux ikunu kandidati tal-Partit Laburista.


Il-kwistjoni ‘Steve Ellul’ ilha għaddejja diversi ġimgħat u Robert Abela ilu jwebbes rasu għat-talbiet tal-kandidati l-oħrajn għall-elezzjoni tal-MEPs li mistennija jsiru ċirka ħames xhur oħra biss. Il-kandidati Laburisti kienu qegħdin iwissu lit-Tmexxija tal-Partit li ma kien jagħmel assolutament sens xejn li wieħed minnhom fit-tellieqa jingħata €700 miljun fuq ħames snin biex ikun jista’ jimbotta lilu nnifsu u l-interessi tiegħu fil-kampanja dejjem bl-iskuża tal-proġetti ta’ tisbiħ li suppost kien qiegħed jagħmel.


Kien voċiferu kontra dan kollu Alex Agius Saliba, iżda ġibdu l-istess ħabel tiegħu l-Ewroparlamentari Josianne Cutajar u l-kandidat Clint Flores li kemm-il darba uża l-midja soċjali biex wassal il-botti li ħass li kellu jwassl fil-konfront ta’ dawk f’Kastilja li saħansitra mhumiex jafdaw lil dawk fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista u fil-konfront ta’ din il-kampanja qegħdin jiġġestixxu ħafna mill-affarijiet huma… naturalment b’ċerti esperti li jissoktaw jagħmlu minn kollox biex isimhom ma joħroġx fil-beraħ għall-fatt li spiss jiffrekwentaw il-Berġa ta’ Kastilja.


Tajjeb li wieħed ifakkar li din ma kenitx l-ewwel darba li fil-konfront Miriam Dalli vs Robert Abela, kienet l-Eks Ewroparlamentari li ħarġet rebbieħa.


Fost l-oħrajn ilkoll niftakru tajjeb kif sitt xhur biss ilu Miriam Dalli, il-Ministru responsabbli mis-settur tal-Enerġija u li fis-sajf li għadda kienet fiċ-ċentru ta’ kritika qawwija kontinwa minħabba l-qtugħ persistenti tas-servizz tad-dawl f’diversi lokalitajiet f’Malta u f’Għawdex, kienet irrifjutat li tonora u twettaq ordni ta’ Kastilja biex Jonathan Cardona, li kien l-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni tal-Korporazzjoni Enemalta, jitkeċċa mir-rwol tiegħu minħabba dak li ġara fl-eqqel tas-sajf li għadda bil-qtugħ tas-servizz tal-provista tal-elettriku.
Ilkoll niftakru tajjeb kif f’Awwissu li għadda, anki waqt diskussjonijiet fil-laqgħat tal-Kabinett tal-Ministri, Robert Abela kien insista li xi ħadd irid jerfa’ r-responsabbiltà għal dak il-falliment tal-qtugħ ripetut tal-provista tad-dawl f’bosta lokalitajiet għal ġranet sħaħa.


Robert Abela kien insista mal-Ministru Miriam Dalli li xi ħadd irid jispiċċa b’rasu mtajra anki biex il-Gvern tiegħu juri li qiegħed jagħmel xi ħaġa fid-dawl tal-kritika ħarxa li kienet qegħda ssirlu u li għadha qegħda ssirlu għal dan il-falliment totali ieħor tiegħu milli jassigura s-serħan tal-moħħ tal-Maltin u l-Għawdxin għar-rigward tas-servizzi tad-dawl fi djarhom.


Iżda dakinhar il-Ministru Miriam Dalli mhux biss ċaħdet rapport fil-midja, iżda kienet rapportata tgħid li mhux minnu li hi kienet se tordna lil Jonathan Cardona biex iwarrab mill-kariga tiegħu fl-Enemalta kif jixtiequ dawk ta’ Kastilja.


Kienet żiedet li Jonathan Cardona sa dakinhar fil-fatt kien għadu jirrapporta għax-xogħol b’mod normali fil-Korporazzjoni Enemalta u bl-ebda mod ma kien imneħħi mill-kariga ta’ Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni tal-Enemalta.


Anzi biex tkompli tisfida l-ordni ta’ Kastilja, il-Ministru Miriam Dalli żiedet tippreċiża li fil-fatt Jonathan Cardona hu parti importanti mill-fokus tal-Enemalta biex jissaħħaħ is-settur tal-investiment fl-Enerġija b’mod partikulari fejn tidħol id-distribuzzjoni tas-sistema tal-elettriku.


Illum l-istorja qegħda terġa’ tirrepeti lilha nnifisha proprju fil-konfront ta’ Steve Ellul li darba kien il-benjamin tagħha iżda fl-aħħar ġimgħat affilja ruħu aktar maċ-ċirku ta’ Robert Abela b’Miriam Dalli tiddarras sew u tasal biex f’dawn il-jiem iddabbarlu rasu minn Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni ta’ aġenzija pubblika… rebħa oħra għal Miriam Dalli għax tajjeb li ntennuha li Steve Ellul hu l-favorit ta’ Robert Abela!