Lokali Qorti

Mixlija li serqet 450 ewro lil raġel li kien qed isarraf il-flixken minn magna tal-BCRS

Mara ta’ 29 sena minn Bormla inżammet arrestata wara li ġiet mixlija quddiem il-Maġistrat Joseph Gatt li serqet is-somma ta’ 450 ewro minn kartiera ta’ raġel li kien qed isarraf il-flixken tal-plasitik minn magna tal-BCRS fil-Marsa.

Shanelle Farrugia li qalet lill-Qorti li ma taħdimx wieġbet mhux ħatja li fid-29 ta’ Diċembru li għadda għall-ħabta tat-8.15pm wettqet din is-serqa u li saret reċidiva. Hi wieġbet mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontriha fejn ma’ saritx talba għall-pleġġ mill-avukat tal-għajnuna legali tagħha Martina Herrera.

L-Ispettur Sarah Kathleen Zerafa mgħejjuna mill-Avukat tal-AĠ Shelby Aquilina spjegat lill-Qorti li fid-29 ta’ Diċembru li għadda sar rapport minn raġel fl-Għassa tal-Marsa fejn dan qal li waqt li kien qed isarraf il- flxiken minn magna tal-BCRS fi Triq is-Salib – waqqfuh mara u raġel u bdew ikellmuh.

Il-mara talbitu sigarett u xi ftit flus li r-raġel, l-allegat vittma ta xi ftit muniti. Wara hu waddab il-kartiera fil-karozza tiegħu li kienet viċin il-magna tal-BCRS. Allegatament il-mara daħlet fil-karozza tiegħu u serqet il-flus mill-karitera li kienet kartiera fuq is-seat.

L-allegat vittma beda jgħid lill-imputata biex toħroġ mill-karozza u wara skopra li kienu ttieħdulu 450 euro. Meta beda jargumenta magħha, fżħin minnhom mar ir-raġel li kien magħha ftit qabel u beda jaqbeż għaliha u saħansitra, skont il-prosekuzzjoni beda jagħti bis-sieq fuq il-karozza tal-allegat vittma.

Minn filmati rriżultat li l-imputata qabdet il-kartiera u ħadet xi flus minnha u fiż-żmien li kienet arrestata ddaħħlet l-isptar u ngħatat il-police bail. Hi kellha terġa tmur għand il-Pulizija wara li toħroġ mill-isptar xi ħaġa li m’għamlitx, fejn il-Pulizija rawha l-Belt u arrestawha.