Arsenal se jidħlu fl-istorja nhar il-Ħadd meta għall-ewwel darba f’darhom jilbsu l-flokk tagħhom No More Red – Daqshekk Aħmar. Meta jilagħbu kontra Liverpool fl-Emirates Stadium fit-tielet rawnd tal-FA Cup, Arsenal se jilbsu l-flokk abjad kollu, li jenfasizza l-ħidma tal-kampanja tal-klabb kontra l-vjolenza fost iż-żgħażagħ.
Huwa t-tielet staġun konsekuttiv li t-tim se jilbes dan it-tip ta’ flokk. It-tim tan-nisa ta’ Arsenal se jilbsu l-kit abjad kollu għall-ewwel darba meta jilagħbu kontra Watford fir-raba’ round tal-FA Cup f’Meadow Park fl-14 ta’ Jannar.
Il-kit impressjonanti – b’kuntrast mal-kuluri ħomor tradizzjonali tal-klabb – mhuwiex disponibbli għall-bejgħ iżda din is-sena Arsenal ingħaqdu mal-manifatturi tal-flokk No More Red li €35 mill-bejgħ ta’ kull flokk tmur fil-fond tal-karità Ben Kinsella Trust imwaqqfa b’tifkira taż-żagħżugħ ta’ Islington li nqatel b’sikkina fl-2008.
Bħala parti mill-kampanja No More Red u permezz ta’ investiment minn terzi, żewġ grawnds tal-futbol ġew irranġati f’Harvist u Kings Square Estates f’Islington bit-tielet wieħed ikun imtejjeb fix-xhur li ġejjin. Kai Brennan, kowċ ta’ Arsenal in the Community, ikkummenta li jinsab kburi li huwa involut fl-iskema wara li bħala żagħżugħ attenda taħriġ immexxi minn Arsenal.
//= $special ?>