Lokali Qorti

Wara l-bouncer Albaniż jitressaq Malti b’rabta mal-aggressjoni f’Paceville

Malti ta’ 26 sena mill-Gżira huwa t-tieni bouncer li tressaq il-Qorti b’rabta ma’ aggressjoni li seħħet bejn l-aħħar tas-sena u l-ewwel tas-sena f’Paceville. Wara li l-Ħamis tressaq l-Albaniż ta’ 21 sena, Riald Gragjevi, l-Ġimgħa warea nofs inhar il-prosekuzzjoni ressqet lil Ryan Zammit. Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih fejn fl-aħħar tas-seduta l-imputat spiċċa jibki u deher ħafna diżorjentat.

L-Ispettur Brian Xuereb li flimkien mal-Avukati Etienne Savona u Guiliana Magro Conti mill-uffiċċju tal-AĠ qed imexxi l-prosekuzzjoni qal li l-Pulizija rċiviet informazzjoni li kien hemm persuna mitlufa minn sensiha fi Triq San Ġorġ, Paceville u meta marru hemm sabuh bi ġrieħi f’wiċċu permezz ta’ flixkun u ttieħed l-isptar permezz ta’ ambullanza.

L-Ispettur qal li wara li tressaq rapport fuq persuna aggredita, l-Pulizija tkellemt ma’ diversi persuni u bdiet tindentifika n-nies. Il-filmati tas-CCTV taw indikazzjoni ta’ min huma dawn in-nies bl-Ispettur jiftakar ukoll lill-akkużat li kien xogħol waqt festa f’San Ġiljan, li fiha ma kien wettaq l-ebda irregolarità.

Bħal Albaniz huwa ġie akkużat li kkaġuna feriti ta’ natura gravi fuq Iddriss Ahmed Adem mis-Sudan, li għamilha ta’ gwardjan privat mingħajr liċenzja. Meta kien mistoqsi x’inhu x-xogħol tiegħu Zammit qal li ma jaħdimx. Għalih deher l-Avukat Herman Mula li għamel talba għall-ħelsien mill-arrest bil-prosekuzzjoni toġġezjona minħabba li għad iridu jixhdu xhieda pajżana, x-xhieda tal-vittma u n-natura gravi tar-reat

Il-prosekuzzjoni qalet li l-gravità ta’ dan il-każ huwa l-fatt li l-vittma baqa’ jaqla’ anke meta kien ma’ l-art. Sadanittant għad trid tixhed il-persuna li ġibdet il-filmat. L-Avukat Mula qal li l-gravita ma tistax tiġi preżentata bħala fatt li l-klijent tiegħu ma jingħatax il-pleġġ.

L-Avukat qal li hemm ħafna każijiet simili li lanqas biss l-imputati ma jitressqu b’arrest. Tenna wkoll li l-Pulizija, korrettement tagħżel min jitressaq b’arrest jew le. Sadanittant qal Mula li kieku dawn kollha jitressqu l-Qorti b’arrest, kieku jitressqu mal-50 persuna kuljum, l-aktar il-ħafna nċidenti li jseħħu f’ Paceville.

Dan sakemm dejjem ma jkunx hemm il-ħsieb li joqtol. Staqsa min verament wettaq dawn il-feriti gravi, żgur li mhux hu, huwa qal. Tenna li f’dan il-każ huwa l-filmat li jrid jitkellem u mhux ix-xhud. Allura l-iskuża li għad iridu jixhdu l-vittmi jew il-vittma ma treġiex u għalhekk il-kontaminzzjoni tal-provi mhumiex ta’ wġiegħ ta’ ras f’dan il-każ.

Il-Qorti wara li semgħet is-sottomissjonijiet tal-partijiet qalet li għadu prematur biex Zammit jingħata l-pleġġ. Inħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-vittma. Il-Qorti wissietu li meta jingħata l-pleġġ ma jistax jersaq jew b’xi mod jikkomunika mal-vittma.

F’każ li jagħmel dan jista’ jeħel multa ta’ 7,000 ewro jew sentejn ħabs u saħansitra t-tnen flimkien. Il-każ issa jkompli meta jinstemgħu l-provi f’kumpilazzjoni li trid tinstema’ quddiem ġudikant ieħor jew oħra. Finalment il-Qorti rrammondat lid-Direttur tal-ħabs biex jieħu ħsieb li l-imputat jingħata kull kura neċċessarja li jista’ jkun għandu bżonn. Kien rakkomandat ukoll biex ix-xhieda pajżana jixhdu fl-ewwel opporunita.