Lokali

“Xejn mhu se jwaqqafna milli nkomplu naħdmu fl-interess tal-poplu Malti u Għawdxi” – Bernard Grech

“L-ebda attakk mhu se jwaqqaf il-ħidma tal-Partit Nazzjonalista favur l-interessi tal-poplu. Il-Partit Nazzjonalista kommess li jġib lura l-€400 miljun li nsteraq il-poplu Malti u Għawdxi.”

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret matul il-jum tal-Ġimgħa fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.

Matul din il-konferenza Bernard Grech fakkar fl-akbar frodi fl-istorja ta’ pajjiżna hekk kif il-Gvern immexxi minn Robert Abela b’kompliċità ma’ Vitals u Steward iffroda lill-poplu Malti u Għawdxi €400 miljun… deal li ma wassal f’ebda investiment fis-settur tas-saħħa.

Huwa fakkar ukoll li Għawdex baqa’ mingħajr sptar ġdid filwaqt li l-Isptar San Luqa baqa’ fi stat diżastruż għall-aħħar bil-Partit Laburista baqa’ jagħmel minn kollox sabiex is-serq minn ħalq il-poplu Malti u Għawdxi jkompli għaddej.

Bernard Grech sostna li l-Qorti tat raġun lill-Partit Nazzjonalista darbtejn fejn fis-sentenza tal-Qorti tal-Appell intqal b’mod mill-aktar ċar li kien hemm kollużjoni bejn il-Gvern u Vitals u Steward. Huwa qal li fl-aħħar snin kien il-Partit Nazzjonalista li ħadem fl-interess tal-poplu.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalisa saħaq li Robert Abela baqa’ ma ħa ebda azzjoni filwaqt li baqa’ jistina rasu milli jġib lura flus il-poplu. Hawnhekk, Bernard Grech aċċenna li din hija konferma li l-Partit Laburista iħares biss l-interessi tal-kuntratturi u l-barranin.

Kien għalhekk li fin-nuqqas ta’ azzjoni minn Robert Abela li l-Partit Nazzjonalista fetaħ kawża sabiex l-Avukat tal-Istat, Chris Soler jieħu l-azzjoni meħtieġa fejn hawnhekk huwa fakkar li l-Avukat tal-Istat għandu funzjoni li jkun awtonomu.

Bernard Grech qal li l-Gvern qed jipprova jwaqqaf lill-Partit Nazzjonalista milli jieħu azzjoni fl-interess tal-poplu kollu iżda huwa sostna li l-Partit Nazzjonalista huwa kommess li jkompli jaħdem sabiex il-poplu jieħu flusu lura.