Żagħżugħ ta’ 25 sena residenti l-Fgura li qal lill-Qorti li ma jaħdimx ġie mixli quddiem il-Maġistrat Joseph Gatt bi traffikar ta’ diversi tipi ta’ droga fosthom kokaina, ecstacy u cannabis u li allegatament wettaq dawn ir-reati f’dawn l-aħħar xhur u ġimgħat.
Tristan Carter ġie mixli wkoll li kellu fil-pusses tiegħu diversi tipi ta’ droga f’ċirkostanzi li juru li ma kienux għal użu personali tiegħu. Hu ġie mixli wkoll li kien fil-pusses ta’ droga Ketamina u LSD, li wkoll ma kienux għall-użu esklussiv tiegħu.
L-Ispettur Jonathan Pace li flimkien mal-Ispettur Nico Zarb ressaq lil Carter qal lill-Qorti li fit-3 ta’ Jannar twaqqfet vettura fuq kontravezzjonijiet tat-traffiku. L-imputat li kien qed isuq qal lil uffiċjal tal-Lesa biex ma jinfurmax lill-Pulizija għax kellu xi oġġetti fil-karozza tiegħu.
“Kien minn hemm ħareġ is-suspett li kellu d-droga. Fil-karozza nstabet id-droga cannabis u Carter qal lill-kollega tiegħi li kien qed joqgħod man-nanna tiegħu. Fil-kamra tiegħu nstabet aktar droga li tikkonsisti f’ecstacy, Ketamina, kokaina u LSD, f’ċirkostanzi li juri li mhijiex għal użu personali tiegħu u nstabu wkoll madwar 8,000 ewro fi flus kontanti,” kompla jgħid l-Ispettur.
Tenna wkoll li l-imputat irilaxxa stqarrija fil-preżenza tal-Avukat tiegħu Frank Tabone, li minn naħa tiegħu nforma lill-Qorti li f’dan l-istadju mhux se jitlob għall-ħelsien mill-arrest iżda talab lill-Qorti biex tordna biex mill-aktar fis il-prosekuzzjoni tressaq ix-xhieda pajżana, liema talba kienet milqugħa. Il-Qorti laqgħet it-talba tal-prosekuzzjoni għall-iffriżar tal-assi tal-imputat. Għal Carter deheru l-avukati Frank Tabone, Jacob Magri u Arthur Azzopardi.
//= $special ?>

