Bdiet sena oħra, u l-Maltin u l-Għawdxin għadhom sal-lum jesperjenzaw sitwazzjoni ta’ mediċini out-of-stock. Diversi familji qed jesperjenzaw diffikultajiet liema bħalhom. B’ħafna familji qed iħossu sew il-piż tal-għoli tal-ħajja u kif kaġun ta’ dan bilkemm qed jirnexxilhom ilaħqu sal-aħħar tax-xahar.
Din is-sitwazzjoni hi ta’ piż ferm akbar għal dawk il-familji li mhux qed jingħataw mediċini intitolati għalihom għax il-Gvern, ġimgħa wara ġimgħa, qed jgħidilhom li l-POYC m’għandiex ammont sostanzjali ta’ mediċini. Din is-sitwazzjoni qed twassal biex il-familji iġorru spejjeż ferm akbar hekk kif qed ikollhom joħorġu l-mijiet ta’ ewro kull xahar biex jixtru l-mediċini meħtieġa.
Iżda minkejja li l-poplu Malti u Għawdxi ilu x-xhur jappella biex din is-sitwazzjoni ma tibqax piż għalihom, il-Gvern Laburista ftit li xejn qed jagħti widen.
Fil-fatt, il-Ministru Michael Falzon jemmen li l-waiting lists spiċċaw, u l-fatt li hawn mediċini out-of-stock mhux veritier.
Il-Gvern kien wiegħed li l-mediċini saħansitra se jkunu qed jaslu għand il-pazjenti sa wara l-bieb tagħhom. Iżda din mhux talli ma saritx, talli lanqas fl-ispiżerija tal-POYC ma ssibhom; aħseb u ara kemm jiġu f’dahrek stess.
Il-Gvern ilu ma jippubblika l-lista uffiċjali tal-mediċini out-of-stock mis-7 ta’ Novembru 2022.
Il-Partit Nazzjonalista ilu x-xhur jappella għal aktar trasparenza u effiċjenza fix-xiri u d-distribuzzjoni tal-mediċini f’pajjiżna. U li l-Gvern ta’ Robert Abela għandu jieqaf milli jipprova jaħbi problemi serji mill-poplu u jiffoka aktar fuq is-soluzzjonijiet għall-ġid tal-pazjenti u l-kwalità tal-ħajja tagħhom.
//= $special ?>