Lokali

Abela ma jirnexxilux jagħmel ir-reshuffle komplet wara li numru ta’ Ministri baqgħu isabbtu saqajhom

Bidla meqjusa bħala waħda "kosmetika"

Għalkemm il-Prim Ministru Robert Abela għamel numru ta’ ħatriet fil-Kabinett tal-Ministri, xorta ma rnexxielux iwettaq ir-reshuffle komplet li xtaq jagħmel. Dan minħabba li kien hemm Ministri – bħal Byron Camilleri u Clyde Caruana – illi baqgħu sal-aħħar isabbtu saqajhom.

Anke Clint Camilleri u Miriam Dalli kienu fost dawk il-Ministri li ħadu li riedu. U fil-każ ta’ Clint Camilleri, dan bla dubju li issa għandu aktar saħħa billi ingħata f’idejh l-Awtorità tal-Ippjanar.

Stqarrija ta’ Kastilja kkonfermat li Robert Abela – sa fl-aħħar, wara li kien ilu jipprova – se jtajjar lil Chris Fearne li se jkun in-nominat ta’ Malta għall-kariga ta’ Kummissarju Ewropew aktar tard din is-sena wara l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Għalkemm fix-xhur li ġejjin se jibqa’ jservi fil-Gvern, kemm fl-irwol ta’ Deputat Prim Ministru u kif ukoll bħala Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur.

Andy Ellul se jkun Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali fl-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru.

Jo Etienne Abela se jkun Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva. Malcolm Paul Agius Galea se jkun Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva.

Jonathan Attard se jkun Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma fis-Settur tal-Kostruzzjoni.

Chris Bonett se jkun Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi. Omar Farrugia se jkun Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi.

Clint Camilleri se jkun Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar.

Miriam Dalli se tkun Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir.

Silvio Schembri se jkun Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi.

Clayton Bartolo se jkun Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika. Glenn Bedingfield se jkun Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika.

Stefan Zrinzo Azzopardi se jkun Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali.