Wara s-suċċess miksub bil-kunċert ta’ Maestro Mons. Marco Frisina f’Novembru li għadda, s-Società Filarmonica Nazionale La Valette, ħabbret it-tieni kunċert b’kompożitur ta’ fama internazzjonali Jacob de Haan. Għalhekk is-sena 2024 se tkun sena mimlija b’avvenimenti li se jkomplu jiktbu l-istorja tad-deheb ta’ din is-soċjetà.
F’attivitá li saret is-Sibt filgħodu, il-President Jonathan Grima ħabbar lill-membri preżenti li l-kunċert se jsir fis-16 ta’ Marzu 2024 fit-8pm ġewwa l-Katidral Metropolitan ta’ San Pawl l-Imdina.
Il-kompożitur Olandiż Jacob de Haan flimkien mal-Banda tas-Società Filarmonica Nazionale La Valette ser itellgħu l-kunċert ‘Missa Brevis’.
Il-Kompożitur Jacob de Haan twieled fit-28 ta’ Marzu tal-1959 ġewwa Heerenveen, l-Olanda. De Haan huwa wieħed mill-aktar kompożituri bandistiċi popolari ta’ żmienna.
Huwa ħadem id f’id mad-dar ta’ pubblikazzjoni Olandiża De Haske fuq numru ta’ kompożizzjonijiet u arranġamenti għal diversi line-ups.
Il-kompożizzjonijiet ta’ de Haan, b’bosta minnhom miktuba fuq kummissjoni, huma magħrufa mad-dinja kollha, speċjalment dawk ix-xogħlijiet li huma bbażżati fuq stil li jixbaħ l-istil użat f’diversi soundtracks ta’ films.
Ix-xogħlijiet tiegħu għall-banda jvarjaw minn kunċerti li huma teknikament diffiċli għal xogħlijiet aktar qosra, kompożizzjoniijet oħra għal tfal, musica da camera kif ukoll marċi serji. Huwa ħadem ukoll għadd ta’ arranġamenti ta’ xogħlijiet klassiċi u korali.
De Haan studja l-mużika u l-orgni f’The Music Academy ġewwa Leeuwarden. Sussegwentament, insibuh jgħallem lill-istudenti fl-istess konservatorju b’mod speċjali fit-teknika tal-arranġamenti. Fl-2003 huwa ngħata premju għax-xogħlijiet tiegħu minn The Frisian regional broadcasting company.
Is-surmast Jacob de Haan jkun spiss mitlub jidderieġi x-xogħlijiet tiegħu, mhux biss fl-Ewropa iżda anké ġewwa l-Awstralja u l-IstatiUniti, kif ukoll minn żmien għal żmien huwa jservi bħala membru tal-ġurija f’kompetizzjoniijet internazzjonali. De Haan jieħu sehem ukoll f’diversi workshops b’mod speċjali dawk li jittellgħu f’ The Bavarian Music Acadamy ġewwa l-Ġermanja.
Fil-kunċert tas-16 ta’ Marzu se jieħdu sehemukoll is-Surmast tas-Società La Valette Dominic Darmanin, is-Sopran Rosabelle Bianchi, il-Baritonu Louis Andrew Cassar kif ukoll il-vjolonist George Curmi, l-Pusé.
Il-biljetti għal din l-attivitá jinkisbu kemm mis-Sede tas-Soċjetà kif ukoll mis-sit showshappening.com
//= $special ?>