Lokali Qorti

“Melvin Theuma qatt ma semmilna lil Fenech b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia imma persuna prominenti tal-Gvern”

F’dikjarazzjoni magħmula mill-aħwa Alfred u George Degiorgio, huma qegħdin jisħqu li l-middleman fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia – Melvin Thuema, qatt ma kien semma magħhom lil Yorgen Fenech, iżdaimma dejjem semma persuna li kienet prominenti fil-Gvern u li kellha ufficju fil-Belt.

L-aħwa reġgħu kkonfermaw li persuni bħal eks Ministri Chris Cardona u Carmelo Abela kienu nvoluti f’attivitajiet kriminali u tennew li tagħhom huma refgħuh imma ħaddieħor le, u jistennew li ssir ġustizzja ma’ dawk kollha nvoluti.

Din hi d-dikjarazzjoni tal-aħwa Degiorgio li għamlu s-Sibt filgħodu.

Aħna hawn taħt iffirmati, Alfred u George aħwa Degiorgio li għandna l-karti tal-identità bin-numri 541264(M) u 164963(M) bil-Malti u bil-gurament niddikjaraw is-segwenti.

Jien Alfred u ħija George qegħdin nagħmlu din l-istqarrija għaliex f’dan l-istadju ta’ investigazzjonijiet dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, irridu nagħmluha ċara li minkejja  li qed jingħadu ħafna allegazzjonijiet dwar min kien involut f’dan l-omiċidju,  hemm min qed jivvinta fatti li qatt ma seħħew, u dan  jew għall-interessi personali tagħhom jew sabiex jinħeba l-involviment ta’ terzi persuni, liema persuni setgħu kienu ta’ għajnuna sabiex huma u nies qrib tagħhom stanew u avvanzaw.

Aħna nafu personalment li sa minn qabel bdew jiġu arrestati ċerta nies rigwardanti dan il-qtil, inklużi aħna, Vincent Muscat magħruf bhala “il-Koħħu” kien jitkellem dwar dan il-każ għax kien jaf il-fatti huwa personalment nkluż u mhux biss  l-involviment tiegħu stess; pero’ dak li kien jgħid dak iż-żmien meta kien għadu ma ġie arrestat ħadd huwa ferm differenti minn dak li huwa qal lill-pulizija fl-istqarrijiet tiegħu kif wkoll dak li ġia ħareġ fil-media.

L-akkużi li bdew isiru fil-konfront tagħna huma bbażati fuq allegazzjonijiet li għamel Vincent Muscat “il-Kohhu”, meta nistgħu aħna nikkonfermaw u nisostanzjaw li sa fejn jirrigwarda lilna huwa qal gidba wara l-oħra. Aħna dan għednieh u qed nerggħu ngħiduh għaliex din hija l-verità.

Muscat ħoloq storja kkulurita u għażel li jigdeb u jivvinta kull meta tkellem dwar l-allegat involviment tagħna. Biss biss aħna qatt ma rċevejna xi flus minn għand Jurgen Fenech, għall-ebda raġuni, la in konnesjoni mal-kas ta’ Daphne Caruana Galizia u l-anqas ghal xi raguni oħra. Aħna anqas biss konna nafu li dan il-persuna kien jeżisti sa qabel bdew l-arresti.

Melvin Theuma kien tkellem kemm-il darba mal-ħbieb tiegħu dwar l-involviment tiegħu innifsu fil-qtil ta’ Caruana Galizia u ahna dan nafuh għaliex in-nies kienu jwasslulna din l-informazzjoni. Din l-informazzjoni kienet wkoll taslillna minn ufficjali gholja mid-Depot tal-Pulizija ; Fi zmien tal-inċident kien isemmi diversi nies li ghal xi raġuni mhux magħrufa, anqas biss ġew jew qed jiġu investigati, pero’ nerġgħu nirrepetu li lil Yorgen Fenech huwa qatt ma semmieh dak iż-żmien.

Meta bdew isiru l-arresti u bdiet tinstema l-kumpilazzjoni tal-provi kontra tagħna, Melvin Theuma kien għadu qatt ma semma lil dan Yorgen Fenech bħala li kien wieħed min dawk involuti fil-każ. Wara li aħna ġejna arrestati, aħna ma kellniex aktar kuntatt ma’ Theuma u għalhekk aħna ma nafux kif ġie li dan ħoloq storja totalment differenti minn dik li huwa kien jirrakkonta lilna qabel. 

Nafu biss li bis-saħħa tal-istorja li qed jogħġbu jivvinta, forsi anke kif ġie mitlub jagħmel, Theuma ingħata proklama għal aktar minn każ wieħed, mentri kull meta aħna għaddejna informazzjoni importanti, relevanti u veritiera lill-pulizija dwar każijiet jaħarqu, l-awtoritajiet iddeċidew li ma jieħdux passi kriminali fuq dak li kxifna aħna, u għalhekk iddeċidew li dak li nafu aħna m’għandhomx bżonnu.

Każijiet bħal tqegħid ta’ ċerta bombi u omiċidji oħrajn, l-involviment ta’ membri politiċi fosthom u mhux biss l-eks Ministri Carmelo Abela u Chris Cardona bħal meta dawn taw struzzjonijiet sabiex issir il-heist tal-Head office tal-HSBC, u kif kienu nvoluti f’dan kollu ċerta membri fil-korp tal-pulizija u anke avukati u nies li jokkupaw pożizzjonijiet importanti.

Kemm Vince Muscat kif wkoll Melvin Theuma ammettew l-involviment tagħhom fil-każ ta’ Caruana Galizia, pero iż-żewg verżjoni tal-fatti li huma taw lill-awtoritajiet  ma jaqblux.  Theuma kien jaf il-fatti sewwa u fuq dak li għoġbu jgħid lill-pulizija  huwa ħa proklama totali fuq żewġ każijiet mill-inqas. Bil-proklama anke l-familjari tiegħu ġew protetti.

Theuma xhed skond l-interessi tiegħu jew ta’ terzi. Minn naħa tiegħu Vincent Muscat ingħata proklami biex jgħid il-verità, il-verità kollha u xejn ħlief il-verità, imma huwa mhux jgħid il-verità u l-maħfriet mogħtija lilu mhumiex ġustifikati, anzi għandhom jiġu rtirati.  

Ana nikkonkludu u niddikjawaw li Melvin Theuma qatt ma semmilna lil Yorgen Fenech, imma dejjem semma persuna li kienet prominenti fil-Gvern u li kellha uffiċju fil-Belt. Ahna b’Yorgen Fenech qatt ma smajna dak iż-żmien u l-flus li kellhom jinġabru kellhom jinġabru minn dawn is-sorsi, cioe uffiċċju prominenti tal-Gvern ġewwa l-Belt Valletta, u dan kif dejjem kkonfermalna l-istess Melvin Theuma.

Aħna issa nistennew li l-Awtoritajiet jekk huma risponsabbli u jridu li ssir ġustizzja fuq diversi delitti li aħna gia indikanja u qed nindikaw, li jibgħatu għalina mill-aktar fis. Tagħna erfajnieh. Issa ħaddiehor jrid jerfa’ tiegħu. Fil-proċeduri fil-Qorti l-aħwa Degiorgio qed ikunu difiżi mill-Avukati Noel Bianco u Leslie Cuschieri.

Risposta ta’ oħt Daphne Caruana Galizia

F’risposta mibgħuta minn Corinne Vella, oħt Daphne Caruana Galizia, din qalet: “Yorgen Fenech talab maħfra presidenzjali għall-qtil ta’ Daphne. Raġel innoċenti ma jitlobx maħfra għal qtil. Waqt il-kumpilazzjoni tal-provi, intwera li Yorgen Fenech kien qed jgħaddi l-flus lill-familja Degiorgio permezz tal-middleman Melvin Theuma li ammetta l-involvimnent tiegħu fil-qtil. Sadanittant Theuma xehed taħt ġurament li qatt ma semma isem Fenech lil aħwa Degiorgio.”