Lokali

RE-SHUFFLE: Abela jrid iċaqlaq lil Clyde Caruana u Chris Fearne

Abela affaċċjat b'reżistenza kbira minn Fearne u Caruana

Net News jista’ jiżvela li bħalissa l-Prim Ministru Robert Abela qed isejjaħ għall-Ministri wieħed wieħed sabiex jiltaqa’ magħhom Kastilja dwar re-shuffle li mistennija titħabbar fil-ħin li ġej.

Din se tkun l-ewwel re-shuffle li se jkun qed jagħmel Abela mill-aħħar elezzjoni ġenerali ‘l hawn.

Minn informazzjoni li kiseb Net News jidher li Robert Abela jrid iċaqlaq fost l-oħrajn lill-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne kif ukoll lill-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana. Biż-żewġ Ministri qed juru reżistenza kbira għal dak li jrid Robert Abela.

S’issa fost dawk li dehru deħlin Kastilja kien hemm il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana, il-Ministru tal-Intern Byron Camilleri, il-Ministru tal-Ġustizzha Jonathan Attard, tal-Anzjani Jo Etienne Abela, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, is-Segretarji Parlamentari Chris Bonnett, Andy Ellul u Keith Azzopardi Tanti kif ukoll l-MP Laburista Malcolm Paul Agius Galea li huwa tabib.

Hekk kif ħareġ minn Kastilja, meta kien mistoqsi minn Net News, il-Ministru Clyde Caruana wieġeb biss li m’għandu ebda kummenti x’jagħti… l-istess risposta li tana l-Ministru tal-Anzjani Jo Etienne Abela.

Il-Ministru tal-Infrastruttura Aaron Farrugia kif ukoll il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi wkoll mistenni li jitqaċċtu mill-Ministeri tagħhom, filwaqt li l-Ministru Miriam Dalli jidher li se jitteħdilha parti mid-dekasteru tagħha… tal-Ambjent u l-Enerġija.

Jidher li hemm numru ta’ Deputati Laburisti li m’għandhom ebda portafoll li qed jistennew li jingħataw xi ħaġa

Din ir-re-shuffle mistennija tkun waħda estensiva… u jekk dan iseħħ, ikompli joħroġ fid-deher kemm Robert Abela mhux kuntent bir-riżultati li qed jiksbu l-Ministri tiegħu stess.

Persuni li tkellmu ma’ Net News qalulna li l-laqgħat bdew ilbieraħ u se jibqgħu għaddejjin matul il-ġurnata tal-lum.

Segwi l-filmati minn quddiem Kastilja.

Iktar tard matul il-ġurnata dehru deħlin il-Ministru tat-Turiżmu Clayton Bartolo, il-Ministru għall-Arti u l-Kultura Owen Bonnici kif ukoll id-Deputat Laburista Glenn Bedingfield.