Internazzjonali

STATI UNITI: Il-futur ta’ Trump għall-Presidenza f’idejn il-Qorti Suprema

Il-Qorti Suprema fl-Istati Uniti ħadet id-deċiżjoni li tisma l-appell tal-eks President tal-Istati Uniti Donald Trump fejn waqt din is-seduta mistennja li tittieħed id-deċiżjoni jekk Trump huwiex eliġibbli li jikkontesta għall-Presidenza fl-elezzjoni ta’ din is-sena.

Rapporti internazzjonali qed jgħidu li l-każ se jibda jinstema minn Frar li ġej u l-verdett se japplika għall-istati kollha fl-Amerka.

Il-Qorti Suprema ħadet din id-deċiżjoni wara li 27 stat għamlu talba sabiex il-Qorti tmur lura mid-deċiżjoni li ttieħdet f’Colorado. Huma qalu li se jinħoloq kaos sħiħ jekk Trump ma jitħalliex jikkontesta għall-elezzjoni speċjament meta l-kampanja tibda ftit ġimgħat oħra.

Id-deċiżjoni li ttieħdet f’Colorado – li isem Trump jitneħħa mill-vot- kienet l-ewwel waħda ta’ din ix-xorti fl-istorja tal-Istati Uniti kif ukoll se tkun l-ewwel darba li l-Qorti Suprema se tisma każ bħal dan.

Intant, il-Qorti Suprema għandha maġġoranza konservattiva dan hekk kif tlett Imħallfin ġew appuntati meta Trump kien President.