Sudaniż ta’ 30 sena li jgħix iż-Żejtun tressaq il-Qorti b’rabta mal-ġlieda li seħħet f’San Ġiljan lejliet l-ewwel tas-sena fejn ġie mixli li kkawża ġrieħi b’arma li taqta’ u bil-ponta lil wieħed mill-aggressuri.
Huwa ġie mixli wkoll li kiser il-paċi pubblika bis-Sudaniż qed iwieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Waqt is-seduta ġie spjegat li l-imputat huwa l-persuna li deher f’filmat jingħata diversi daqqiet ta’ sieq f’rasu minn tal-anqas ħamest irġiel f’San Ġiljan – bi tnejn minnhom konfermati li huma bouncers.
L-allegat vittma kien il-bouncer Albaniż ta’ 21 sena li tressaq il-Qorti b’rabta ma’ dan il-każ il-Ħamis li għadda. Bouncer ieħor tressaq il-Qorti b’rabta ma’ dan il-każ il-Ġimgħa li għadda. Biż-żewġ bouncers jinżammu arrestati.
Matul din il-ġimgħa persuna li rat din il-ġlieda ppubblikat filmat fuq il-midja soċjali bl-istorja li seħħet f’San Ġiljan tiddomina l-aħbarijiet. Imbagħad is-sit Lovin Malta ppubblika filmat ieħor li nġibed mumenti qabel din il-ġlieda fejn is-Sudaniz talab l-għajnuna tal-Pulzija li kienu preżenti għaliex skont hu ġie aggredit.
Wara li l-Pulizija rrifjutat li tagħti l-għajnuna s-Sudaniż mar u kkonfronta l-bouncers fejn allegatament waddab flixkun tal-ħġieġ.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest filwaqt li spjegat li l-akkużat huwa vittma li ġie msawwat brutalment wara li ma tħalliex jidhol fi stabbiliment. Dan apparti li f’wieħed mill-filmati l-imputat kien diġa’ ġarrab xi ġrieħi u kien għalhekk li deher iwaddab flixkun bil-għan li jiddfendi lilu nnifsu.
Wara s-seduta l-Maġistrat Yana Micallef Stafrace żammet lis-Sudaniz arrestat.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Brian Xuereb. L-Avukat Roberta Bonello dehret għall-akkużat, filwaqt li l-Avukati Shazoo Ghaznavi u Jessica Formosa dehru parte civile.
//= $special ?>