Lokali

“Il-Labour ma żammx is-saħħa b’xejn – ikollok tmur fi sptarijiet privati u tixtri l-mediċini minn butek” – Bernard Grech

“Is-saħħa bil-flus għamilha l-Labour għax il-mediċini jkollok tixtrihom int, ikollok tmur fi sptar tal-privat minħabba waiting list twila, għodod ikollok tixtrihom int. Mod ieħor kif tagħmel is-saħħa bil-flus.”

Hekk sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech waqt intervista li kellu l-Ħadd fil-programm Analiżi fuq Net Television meta kien qed jitkellem fuq is-settur tas-saħħa f’pajjiżna li spiċċa għarkuptejh.

Bernard Grech qal kif il-Gvernijiet Laburista kull ma għamlu huwa li berbqu mal-€400 miljun sabiex tawhom lil Vitals u Steward bla ebda investiment għal saħħet il-poplu Malti u Għawdxi.

“Illum, Robert Abela reġa’ qed jiddefendi lill-barrani sabiex il-flus ma jiġux lura għand il-poplu Malti u Għawdxi. Abela tniżżel fl-istorja bħala il-persuna li flok iddefendiet lill-poplu, iddefendiet lill-kuntratturi.”

Dwar l-Isptar Monte Karmeli, Bernard Grech fakkar kif pajjiżna baqa’ mingħajr investiment għas-saħħa mentali f’pajjiżna.

“Chris Fearne daħal u ħareġ mill-kabinett u baqa’ ma wettaqx il-wiegħda ta’ sptar mentali ġdid.”

Quddiem in-nuqqasijiet tal-Gvern Laburista taħt it-tmexxija ta’ Robert Abela, Bernard Grech fakkar kif huwa biss il-poplu Malti u Għawdxi li qed ibati minn dan kollu.

“Il-Labour jiżbalja u jonfoq il-flus sakemm ikollu jagħmel u-turn u jagħmel dak li kien ilu jgħid il-PN. Il-Partit Nazzjonalista għandu viżjoni, bil-Labour jikkritika imbagħad iwettaq. Partit Nazzjonalista li għandu s-soluzzjonijiet u viżjoni għal dan il-pajjiż. Flimkien magħkom se nkunu qed inwettquhom.”

B’Bernard Grech jgħid li dan huwa Gvern tal-u-turns biss għax ma jħarisx l-interess tal-poplu.

“Issa ġie fi kliemi, qalu se jaraw li carers ikollhom Malti bażiku, aħna nuru direzzjoni u Labour jagħmel u-turns.”

Il-Kap tal-PN, Bernard Grech tkellem ukoll dwar il-pjaga tal-għoli tal-ħajja fejn qal li kull ma qed naraw huwa lil Abela li mhux jagħmel xejn.

“Għejja, kawża ma jridx jindirizza l-problemi tagħkom. PN b’numru ta’ soluzzjonijiet.”

Il-Partit Nazzjonalista ilu jappella biex isir mudell ekonomiku ġdid, ikollna fond ta’ €40 miljun f’għajnuna lill-importaturi, u ż-żieda tal-għoli tal-ħajja ma tkunx intaxxata. Iżda quddiem dan kollu, il-Gvern ta’ Robert Abela jibqa’ jagħti l-ġenb lill-Maltin u l-Għawdxin.