Sport Waterpolo

Il-perseveranza u l-grinta tippremja lit-tim Malti b’rebħa storika kontra l-Iżrael

Stewart Said

MALTA………… 13

IŻRAEL……….. 11

(2-5), (3-3), (3-2), (5-1)

Il-perseveranza wasslet biex it-tim nazzjonali Malti rkupra minn bidu diffiċli u rebaħ 13-11 kontra Iżrael. Din hi l-ewwel rebħa li Malta qatt kisbet waqt fażi tal-grupp waqt Kampjonat Ewropew. B’dan ir-riżultat Malta hi assigurata mit-tielet post fil-grupp u b’hekk fi tmiem din il-fażi, tilgħab kontra min se jispiċċa l-aħħar fi Grupp D, bit-tama tibqa’ li Malta tikseb it-13-il post.

Il-plejers Maltin kellhom jirkupraw minn bidu negattiv, bil-logħba ssir aktar diffiċli wara li Mark Castillo tkeċċa u t-tim Malti lagħab nofs it-tieni sessjoni bi plejer anqas.

Madankollu l-fatt li d-distakk ma kibirx f’dak il-perjodu, niżżel tama ġdida fil-plejers Maltin. Minn żvantaġġ ta’ 8-5, id-distakk niżel biss għal 9-8 fit-tielet sessjoni u fl-aħħar sessjoni żvantaġġ ta’ 11-9 inbidel f’rimonta u rebħa Maltija.

Sam Gialanze poġġa lit-tim Malti fil-vantaġġ fl-ewwel azzjoni tal-logħba iżda pronta kienet ir-reazzjoni tal-Iżrael b’gowl ta’ Or Schlein. L-Iżrael kabbru l-vantaġġ għal 3-1 sakemm Jayden Cutajar naqqas id-distakk minn penalty. Madankollu l-Iżrael skorjaw darbtejn oħra fl-aħħar żewġ minuti u nofs u temmew l-ewwel sessjoni 5-2.

It-tieni sessjoni kompliet tkun aktar għat-telgħa hekk kif fil-bidu tkeċċa Mark Castillo għal brutalità, b’konsegwenza li t-tim Malti kellu jilgħab għal erba’ minuti bi plejer anqas filwaqt li Ronen Gros għamilhom 6-2 minn penalty.

Minkejja din id-diffikultà, it-tim Malti rnexxielu jibqa’ fil-logħba u għalkemm b’inferjorità numerika, it-tim Malti ma rax l-iżvantaġġ jikber. Il-penalty ta’ Sam Gialanze saħansitra niżżel id-distakk għal 7-5 iżda Gros żamm id-distakk ta’ tliet gowls bl-aħħar xutt tas-sessjoni.

L-avversarji bdew jamministraw il-logħba u sa nofs it-tielet sessjoni żammew il-vantaġġ ta’ tliet gowls. Kienet il-grinta tal-plejers Maltin li biha d-distakk niżel biss għal 9-8. Jake Muscat skorja minn man-up u Sam Gialanze skorja ġmiel ta’ gowl. Kien Yoav Rendler li bl-aħħar xutt tas-sessjoni qabbeż fuq Jake Tanti u żamm il-vantaġġ doppju għal Iżrael.

Fl-aħħar sessjoni, Muscat naqqas id-distakk minn penalty għalkemm Dor Koter żamm lill-Iżrael 11-9. Hawn bdiet ir-rimonta Maltija, b’Jeremy Abela naqqas id-distakk għal gowl u Nikolai Zammit ġab id-draw b’żewġ minuti għat-tmiem.

Dan il-gowl fetaħ il-logħba beraħ il-logħba sakemm wasal il-mument importanti. L-Iżrael b’man-up meta kien għad fadal 41 sekonda iżda fl-attakk Tal Fotin ta daqqa f’wiċċ Jake Muscat b’konsegwenza li l-plejer tkeċċa b’sostituzzjoni u ngħata penalty għat-tim Malti.

Inkariga ruħu Jake Muscat li ma żbaljax. Fl-aħħar attentat tagħhom, l-Iżrael tefgħu kollox fuq l-attakk, biż-żagħżugħ Jayden Cutajar jagħlaq il-logħba mat-tisfira finali. L-aħħar logħba ta’ Malta fi Grupp Ċ hija nhar it-Tlieta kontra s-Serbja fis-7.00pm.

Malta: J. Tanti, G. Farrugia, L. Galea, M. Castillo, S. Gialanze (4), J. Bonavia, J. Muscat (3), J. Cutajar (3), J. Abela (1), N. Zammit (2), D. Zammit, M. Azzopardi, B. Busuttil

Iżrael: Y. Fire, O. Schlein (2), R. Gros (4), Y. Klarfeld, V. Begin (1), T. Fotin, K. Halevy, I. Goldschmidt, D. Koter (1), Y. Rendler (2), O. Buzaglo, T. Grundlyand (1), M. Smirnov

Referees: B. Margeta (Slovenja), R. Evers (Olanda)