Il-qawwiet tar-Russja, fl-aħħar sigħat, fetħu burraxka ta’ missli fuq it-territorji kontrollati mill-Ukreni fir-reġjun ta’ Donetsk u bir-riżultat li qatlu talanqas 15 – ħamsa minnhom tfal.
Il-missili, tat-tip S-300, ħallew ħerba fil-belt ta’ Pokrovsk, bil-Gvernatur tar-reġjun, Vadim Filashkin, jakkuża lir-Russja dwar attakki brutali u ċiniċi fuq ċivili, bl-iskop li żżid il-miżerja fost il-poplu Ukren.
Il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, ukoll ikkundanna lill-Kremlin ta’ Moska dwar l-aġir indiskriminattiv u meta l-qawwiet Russi qed ikomplu jattakkaw liz-zoni residenzjali madwar l-Ukrajna.
Zelensky kompla li r-Russja għandha dejjem iġġorr il-konsegwenzi għal dawn l-azzjonijiet – bl-awtoritajiet f’Moska ma jikkummentawx dwar il-qtil tat-tfal f’Pokrovsk li tinsab madwar 70 kilometru lejn il-majjistral tal-belt ta’ Donetsk li hi okkupata mit-truppi Russi.
Il-belt ta’ Pokrovsk, qabel il-gwerra, kellha popolazzjoni ta’ madwar 60,000 u fl-aħħar ġimgħat spikka r-ritorn ta’residenti li kienu ħarbu minn hemmhekk minħabba l-konsegwenzi tal-konflitt. Dawn in-nies iddeċidew li jirritornaw minkejja t-twissijiet uffiċjali dwar il-periklu fl-inħawi.
//= $special ?>