Fl-Emirates Stadium, Liverpool avvanzaw għar-raba’ rawnd tal-FA Cup wara li għelbu lil Arsenal 2-0 b’żewġ gowls jaslu fl-aħħar għaxar minuti tal-partita. Liverpool fil-vantaġġ fit-80 meta minn freekick ta’ Trent Alexander-Arnold kien id-difensur ta’ Arsenal Jakub Kiwior li f’tentattiv li jtajjar il-ballun xeħet fix-xibka tiegħu stess. It-tim ta’ Jurgen Klopp aċċerta mill-kwalifikazzjoni fl-aħħar sekondi tal-partita meta minn kontrattakk veloċi kien Luis Diaz li b’konklużjoni fis-saqaf tax-xibka għeleb lil Aaron Ramsdale għal 2-0.
Manchester City wkoll għamluha għar-raba’ rawnd meta bl-aktar mod faċli għelbu lil Huddersfield Town 5-0. Phil Foden poġġa lil City fil-vantaġġ wara 33 minuta, bl-attakkant Arġentin Julian Alvarez jirdoppja erba’ minuti wara. Awto-gowl ta’ Ben Jackson għamilhom 3-0 fit-58 minuta qabel ma’ gowl ieħor ta’ Phil Foden u Jeremy Doku għamlu l-iskor finali 5-0.
West Ham United se jkollhom jilagħbu replay meta f’darhom kienu miżmuma fi draw ta’ 1-1 minn Bristol City. Il-Hammers fil-vantaġġ wara erba’ minuti permezz ta’ Jarrod Bowen. Bristol ġabu d-draw fil-61 minuta b’gowl ta’ Tommy Conway.
Leeds United kwalifikaw bl-aktar mod faċli meta barra minn darhom għelbu lil Peterborough United 3-0. Il-gowls ta’ Leeds kienu skorjati minn doppjetta ta’ Ethan Ampadu u gowl ta’ Patrick Bamford.
Luton Town ukoll se jkollhom jilagħbu replay meta f’darhom kienu miżmuma fi draw ta’ mingħajr gowls minn Bolton Wanderers.
L-istess Nottingham Forest li kienu miżmuma fi draw ta’ 2-2 minn Blackpool. Blackpool fetħu vantaġġ doppju wara biss 27 minuta b’gowls minn Jordan Gabriel u Albie Morgan. Forest irrispondew u skorjaw darbtejn permezz ta’ Nicolas Dominguez u Morgan Gibbs-White għal skor finali ta’ 2-2.
F’partiti oħra, West Brom għelbu lil Aldershot Town 4-1 filwaqt li Wrexham għelbu lil Shrewsbury Town 1-0.
FA CUP
Illum
Arsenal v Liverpool 0-2
Man City v Huddersfield 5-0
West Ham v Bristol 1-1
Peterborough v Leeds 0-3
Luton v Bolton 0-0
West Brom v Aldershot 4-1
Nott. Forest v Blackpool 2-2
Shrewsbury v Wrexham 0-1
Għada
Wigan v Man Utd 9.00pm